Il-Każ Pegasus

Il-Każ Pegasus – Irvin Vella, Investigatur Virtwali #08

Storja waħda, b’żewġ investigazzjonijiet, waħda intriganti u b’ħafna taħbil, l-oħra dwar każ iżgħar, li jgħin lil Irvin Vella jlesti t-teżi biex finalment iwettaq il-ħolma li jsir investigatur privat. Għat-tnejn li huma, Irvin ixammar il-kmiem. Iżda, hemm xi ħaġa li donnha mhix tagħmel sens …

Il-Każ Pegasus huwa t-tmien volum fis-serje ta’ kotba għat-tfal, dik tal-Investigatur Virtwali. Idebutta fis-suq tal-kotba bil-Malti f’Ottubru 2023, pubblikazzjoni ta’ Merlin Publishers.

Dwar l-istorja

Il-każ ewlieni tal-istorja jibda propju l-għada li l-Investigatur Virtwali solva l-Każ tal-Ħabsi Bla Ħtija. Din id-darba l-klijent tiegħu huwa raġel li ltqajna miegħu fil-ktieb ta’ qabel, it-Tabib Timothy Pavia. Hu u Irvin iltaqgħu l-ħabs, u għamlu ftehim – jekk Pavia jgħin lil Irvin inaddaf ismu u joħroġ mill-ħabs, Irvin kien se jirreċiproka, u jgħin lil Pavia fuq biċċa xogħol taħraq. It-Tabib żamm kellmtu, u issa jmiss lill-investigatur virtwali biex jagħti sehmu. Se jirnexxielu jwettaq dak li għandu f’moħħu?

Bħal ma jiġri spiss fir-rakkonti ta’ Irvin Vella, l-affarijiet li qed jinvestiga dwarhom m’humiex daqshekk sempliċi daqs kemm jidhru. Waqt li għaddej bil-missjoni tiegħu li jgħin lil Pavia, Irvin jiltaqa’ ma’ grupp żgħir ta’ nies li jiftħulu għajnejh dwar biċċa xogħol mhux tas-soltu. F’din il-kwistjoni hemm involuti mijiet t’eluf ta’ ewro.

Aktar ‘il quddiem, l-investigatur jispiċċa xhud ta’ att kriminali li żgur ma kienx jobsor li se jara … din l-esperjenza jkollha effett qawwi fuq Irvin. Biex isolvi dan il-każ, se jkollu jħaddem moħħu aktar minn qatt qabel.

It-tieni biċċa xogħol li jrid isolvi Irvin hija dik ta’ riċerka intensiva biex ilaqqa’ tnejn min-nies li ilhom ma jaraw lil xulxin kważi sittin sena. Mhix ħaġa faċli, imma bħal dejjem, Irvin determinat.


L-ispirazzjoni wara l-Każ Pegasus

Il-Każ Pegasus jagħlaq storja li għandha l-bidu tagħha fil-ktieb ta’ qablu, Il-Każ tal-Ħabsi Bla Ħtija. Ma jfissirx li min ma qarax każ numru sebgħa mhux se jifhem din l-istorja. Kemm ktieb numru 7, kif ukoll ktieb numru 8 huma stejjer sħaħ, li jistgħu jinqraw waħedhom.

L-akbar ispirazzjoni għal dan il-ktieb ġiet minn stejjer tal-ispiji, bħal Bourne Identity (Robert Ludlum), Six Days of the Condor (James Grady) u oħrajn. Meta qed insemmi dawn, mhux qed nirreferi għal plot tagħhom fih innifsu, imma ispirajt ruħi mill-effett (jew feeling), li jħallu fuqi bħala qarrej. Dak il-misteru li jqanqal tant kurżitá, dik ix-xi ħaġa li tidher mod, imma hija mod ieħor.

Id-disinn tal-qoxra u l-illustrazzjonijiet ta’ ġewwa huma xogħol il-bravissima Francesca Grech. Għal darboħra, użat il-ħila tagħha biex tagħti lill-ktieb ix-xejra misterjuża li tistħoqlu.

Nixtieq inrodd ħajr lit-Tim Merlin u lill-ħafna oħrajn li tawni għajnuna imprezzabbli biex dan it-tmien każ tal-investigatur virtwali jasal għand il-qarrejja.

Is-sensiela kollha

Il-Kotba kollha fis-sensiela Irvin Vella, Investigatur Virtwali huma dawn:

  1. Il-Każ Manduca (2015)
  2. Il-Każ tas-Serqiet Strambi (2016)
  3. Il-Każ tal-Gżejjer tat-Teżor (2018)
  4. Il-Każ Stella Maris (2019)
  5. Il-Każ tal-Maħżen Mitluq (2020)
  6. Il-Każ tat-Tfajla Maħtufa (2021)
  7. Il-Każ tal-Ħabsi Bla Ħtija (2022)
  8. Il-Każ Pegasus (2023)
  9. Il-Każ tal-Bottegin tax-Xorti (in progress)

Il-Każ tal-Ħabsi Bla Ħtija

Il-Każ tal-Ħabsi Bla Ħtija – Irvin Vella, Investigatur Virtwali #07

Irvin Vella spiċċa l-ħabs! Anqas hu ma jaf eżatt x’laqtu. M’għandux ħtija, imma arrestawh, xlewh u issa qiegħed maqful fil-Faċilitá Korrettiva ta’ Kordin. Marlu l-aptit, u qed isibha bi tqila anki biex jaħseb. Tgħid jirnexxielu jsolvi l-każ tiegħu stess?

Il-Każ tal-Ħabsi Bla Ħtija, ktieb numru 7 fis-sensiela Irvin Vella, Investigatur Virtwali

Is-sensiela ta’ kotba bil-Malti għat-tfal Irvin Vella – Investigatur Virtwali tkompli b’dan is-seba’ ktieb fis-serje. Il-Każ tal-Ħabsi Bla Ħtija huwa pubblikazzjoni Merlin Publishers, li ħareġ għall-bejgħ f’Diċembru 2022. L-illustrazzjonijiet saru minn Francesca Grech, u Dwayne Ellul ħa ħsieb il-qari tal-provi.

Il-ktieb jista’ jinxtara online minn hawn (posta bla ħlas).

Dwar l-istorja

Il-qoxra xogħol ta' Francesca Grech

Fil-bidu tal-istorja, niltaqgħu ma’ Irvin għaddej ġmielu jistudja għal eżami li għandu s-Sibt ta’ dik il-ġimgħa. Jinzerta li tiġi tfittxu mara tal-flus, tgħix ġewwa villa kbira Ħ’Attard. Titolbu biex isolvilha każ fejn qiegħda ssib affarijiet misruqin minn darha stess, u qiegħda tissuspetta li l-ħati huwa xi ħadd mill-ħaddiema tagħha.

Irvin jaċċetta. Għandu f’moħħu li juża dan il-każ bħala bażi għat-teżi li jrid jibda jaħdem fuqha fil-ġimgħat li ġejjin. Li ma jafx hu li fi ftit ġranet, se jispiċċa mixli b’għadd t’akkużi, fosthom li daħal f’post bla permess u li seraq oġġetti prezzjużi.

Il-kuġini ta’ Irvin, l-aħwa tewmin Luca u Laura, mhux se jabbandunawh. U lanqas l-Ispettur Montebello, pulizija responsabbli li sar ħabib sew tal-investigatur. Iżda l-akbar għajnuna, Irvin se jsibha fil-ħabs stess, mingħand bniedem eċċentriku u kolt, li jemmen mill-ewwel fl-innoċenza taż-żagħżugħ.

Kif nibtet l-idea biex inkiteb Il-Każ tal-Ħabsi Bla Ħtija 

Beda kollox minn mistoqsija. Min jaf jekk Irvin jiġi framed, u akkużat b’xi ħaġa li m’għamilx?

Wara dik l-ewwel mistoqsija, nibtu oħrajn. Min għandu interess li jara lil Irvin ibati? Min jixtieqlu d-deni? B’dawn il-mistoqsijiet, u aktar bħalhom, bdejt nibni l-idea tal-ktieb. Ir-riċerka kienet sfida kbira, intensiva, u damet ix-xhur. Sibt għajnuna kbira mill-Korp tal-Pulizija ta’ Malta li wieġbu l-ħafna mistoqsijiet li għamiltilhom. Sibt ukoll għajnuna minn persuni li xtaqu li ma nsemmihomx b’isimhom. Iżda minn hawn inroddilhom ħajr mill-qalb. L-għajnuna tagħhom kienet indispensabbli. Nixtieq insemmi wkoll lill-editur ta’ din is-serje, Chris Gruppetta, li bħas-soltu, bil-mod metikoluż tiegħu u osservazzjonijiet fuq il-plot, għeni biex insaħħu l-istorja aktar.

Ovvjament, żammejt ukoll mat-tradizzjoni li flok naħrab il-klixejiet tal-ġeneru, ngħannaqhom miegħi u nużahom biex insaħħaħ l-istorja. Infatti, it-tema fejn il-protagonist ta’ ġrajja jispiċċa akkużat inturtament, mhix xi ħaġa li qatt ma rajna – bil-maqlub, hija plot pjuttost komuni. Dawn it-tip ta’ klixejiet insibhom ta’ ispirazzjoni kbira, fejn l-isfida tkun li tipprova ssib angoli ġodda kif tirrakkonta idea komunissima.

Is-sensiela kollha

Il-Kotba kollha fis-sensiela Irvin Vella, Investigatur Virtwali huma dawn:

  1. Il-Każ Manduca (2015)
  2. Il-Każ tas-Serqiet Strambi (2016)
  3. Il-Każ tal-Gżejjer tat-Teżor (2018)
  4. Il-Każ Stella Maris (2019)
  5. Il-Każ tal-Maħżen Mitluq (2020)
  6. Il-Każ tat-Tfajla Maħtufa (2021)
  7. Il-Każ tal-Ħabsi Bla Ħtija (2022)

Ippubblikata r-raba’ edizzjoni ta’ Il-Każ Manduca

Għaddew seba’ snin mill-ewwel darba li Irivn Vella xiref minn qalb il-paġni tal-ewwel ktieb fis-sensiela tal-Investigatur Virtwali. U f’dawn is-seba’ snin, bis-saħħa tat-tim ħabrieki ta’ Merlin Publishers, Il-Każ Manduca sab ruħu f’idejn eluf ta’ qarrejja, kbar u żgħar.

L-ewwel edizzjoni (2015) spiċċat f’kemm trodd salib, imbagħad kien imiss it-tieni edizzjoni (2018) li tinbiegħ malajr u ħarġet it-tielet edizzjoni (2019). Kien suċċess li ma stennejtx. U malli l-pubblikaturi tiegħi qaluli li anki t-tielet edizzjoni taret mar-riħ u reġa’ wasal għal darboħra għal ristampa, bilkemm ridt nemmen.

Ir-raba’ edizzjoni (2022) għadha kif waslet friska friska mingħand l-istampaturi u bdiet titqassam fil-ħwienet tal-kotba madwar il-gżejjer tagħna (u anki bejniethom, fil-ħanut li hemm fuq il-vapur t’Għawdex!).

Skopri iżjed dwar dan il-ktieb.

Kliem pożittiv mill-qarrejja

Matul dawn is-snin kienu bosta l-qarrejja li għoġobhom jagħmlu kuntatt miegħi biex jgħiduli kif laqgħathom il-ktieb. Xi wħud bagħtuli messaġġ privat, oħrajn qaluli bil-fomm. Kien hemm ukoll min ħalla kumment fuq il-paġna tiegħi ta’ Goodreads, is-sit soċjali li jiċċelebra l-kotba kollha li joħorġu madwar id-dinja. Tridu tkunu tafu x’qaluli? Ara ġej.

Storja ħelwa li ċert li hija l-bidu ta’ serje ta’ investigazzjonijiet ta’ dan il-karattru żaqqieq imma b’intenzjonijiet tajba. Għalkemm (ovvjament peress li sfortunatament m’għadnix tifel) ta’ Bonello personalment xorta nippreferi l-kotba għall-adulti (u qed nistenna b’ħerqa t-tieni ktieb tas-serje Unus Mundus), dal-ktieb juri l-versatilita’ tal-awtur. L-illustrazzjonijiet ta’ Lisa Falzon huma impekkabli.

Antonio Olivari, Jannar 2015

Kont ili ma naqra xi ħaġa hekk għall-età li kont qed timmira għaliha. Il-każ jinkixef (bl-Ingliż ngħidu “to unfold”) b’mod tajjeb ħafna u t-tidwiriet lejn l-aħħar iżommu lil dak li jkun fuq ix-xwiek. Hemm karattri li fihom element tradizzjonali (bħall-istatutura tal-aħwa) u oħrajn friski wisq. Naħseb li l-profil ta’ Irvin imsawwar tajjeb ħafna. M’hemm ebda karattru żejjed f’dan is-sens; kollha kkontribwew il-parti tagħhom. Huma karattri mimlija karattru. Il-comic reliefs ħelwin ukoll. Prosit ukoll lil Lisa. Paġna 107, epika!

Leanne Ellul, Jannar 2015

Avolja m’ghadnix tifla dan il-ktieb vera hadt pjacir naqrah…storja tajba li ggieghlek tkompli taqra u illustrazzjonijiet tal-genn. Prosit lil John Bonello u Lisa Falzon. Nispera li jkun hemm kotba ohra fis-sensiela mhux wisq fil-boghod…

Jennifer Saliba, Jannar 2015

Ilni na naqra ktieb immirat għal udjenza ċkejkna b’tant ħeġġa. Jien stess inqbadt fit-tensjoni li s-suspans tiegħek irnexxielu joħloq. Għalkemm mexxej huwa mgħobbi b’espressjonijiet li l-udjenza ċkejkna għandha bżonnhom b’risq ħakma aħjar ta’ lsIenha. Kif ngħidu bl-Ingliż, “a page turner”.

Clifford Jo Zahra, Ġunju 2015

Il-Każ Manduca jirbaħ il-Premju Nazzjonali Terramaxka 2016

Il-Każ Manduca ppubblikat għar-raba' darba
Novembru 2016, waqt il-premjazzjoni

Il-Każ Manduca kien ippubblikat minn Merlin Publishers fl-2015. Fl-2016, rebaħ il-Premju Nazzjonali tal-Ktieb (Premju Terramaxka) fil-kategorija Kotba għat-Tfal (etajiet 8-12-il sena). Rebaħ ukoll il-Premju għall-aqwa qoxra u illustrazzjonijiet, xogħol Lisa Falzon, illustratriċi bravissima li tat wiċċ lill-karattri ewlenin tas-sensiela u li rebħet ukoll bosta premjijiet marbutin mal-illustrazzjonijiet tagħha ta’ Irvin Vella.

Ktieb li jispira kittieba oħrajn

Ninvestigaw il-Każ ta' Jacqueline Mizzi

L-awtriċi u għalliema Jacqueline Mizzi ippubblikat ktejjeb ta’ taħriġ blisem ta’ Ninvestigaw il-Każ. Dan il-ktejjeb jifforma parti mit-tagħlim tal-letteratura Maltija għal studenti tal-ewwel sena tas-sekondarja. Jacqueline ibbażat din l-analiżi tagħha fuq Il-Każ Manduca, l-ewwel ktieb fis-sensiela t’Irvin Vella, Investigatur Virtwali.

Il-Każ Manduca ppubblikat għar-raba' darba

Il-Każ Manduca huwa ktieb li sar jintuża minn ħafna skejjel madwar Malta u Għawdex bħala wieħed mill-kotba li jinqraw fil-kurrikulu tal-Malti, speċjalment fl-ewwel snin tas-sekondarja. Dan huwa possibbli grazzi għax-xogħol imprezzabbli ta’ Merlin Publishers li flimkien mal-librara u kapijiet tad-dipartiment tal-malti fl-iskejjel jagħżlu kotba li jistgħu jgħinu lill-istudenti jieħdu gost jitgħallmu l-Malti.

Verżjoni Audio Book ta’ Il-Każ Manduca

Irvin Vella ħa ħajja ġdida meta ftit tas-snin ilu, Merlin Publishers, f’kollaborazzjoni mal-President ta’ Malta ħadmu fuq proġett biex għadd ta’ kotba Maltin jiġu rrekordjati biex jitqassmu lil qarreja neqsin mid-dawl. Wieħed minn dawn il-kotba kien propju Il-Każ Manduca, moqri mill-artist bravu Roderick Vassallo.

Ixtri l-ktieb audio minn hawn.

Ixtri l-verżjoni paperback (tqassim b’xejn jekk tgħix Malta jew Għawdex).

Is-sensiela Irvin Vella, Investigatur Virtwali

Il-Kotba kollha fis-sensiela Irvin Vella, Investigatur Virtwali huma dawn:

  1. Il-Każ Manduca (2015)
  2. Il-Każ tas-Serqiet Strambi (2016)
  3. Il-Każ tal-Gżejjer tat-Teżor (2018)
  4. Il-Każ Stella Maris (2019)
  5. Il-Każ tal-Maħżen Mitluq (2020)
  6. Il-Każ tat-Tfajla Maħtufa (2021)

Il-Każ tat-Tfajla Maħtufa

Il-Każ tat-Tfajla Maħtufa - Irvin Vella, Investigatur Virtwali #06

Il-Każ tat-Tfajla Maħtufa – Irvin Vella, Investigatur Virtwali #06

Tkompli l-missjoni ta’ Irvin Vella, dik li jsolvi każijiet diffiċli u mhux tas-soltu. Din id-darba, irid isib x’sar minnha Jess Green, tfajla Skoċċiża li nħatfet waqt li kienet Malta ma’ xi ħbieb. U waqt li jagħmel hekk, jara kif jgħin lill-Vleġġa, it-terz-kuġin tiegħu, mixli bil-ħtif.

Is-sensiela ta’ kotba bil-Malti għat-tfal Irvin Vella – Investigatur Virtwali tkompli b’dan is-sitt ktieb fis-serje, Il-Każ tat-Tfajla Maħtufa, pubblikazzjoni Merlin Publishers, 2021.

Il-ktieb jista’ jinxtara online minn hawn (posta bla ħlas).

Dwar l-istorja

Il-Każ tat-Tfajla Maħtufa jibda ftit tal-ġranet wara li Irvin jikkonkludi Il-Każ tal-Maħżen il-Mitluq u jikseb lura l-memorja li jkun tilef temporanjament. Missieru jfakkru li qarib tagħhom, ċertu Oswald Vella, li jgħix il-Mellieħa, għandu bżonn l-għajnuna t’Irvin. It-tifel t’Oswald, Owen ‘Il-Vleġġa’ Vella, spiċċa l-ħabs, akkużat bil-ħtif ta’ tfajla li baqgħet qatt ma nstabet, lanqas wara li ommha u missierha ħallsu l-flus tar-riskatt. Oswald qed jibqa’ jinsisti li ibnu innoċenti. Qas l-iċken dubju m’għandu.

Irvin għandu biċċa xogħol iebsa. Għax dan il-Vleġġa, apparti li għomru dieħel u ħiereġ il-ħabs b’kondotta kollha lwien, għandu xeba’ provi kontrih. Il-missier jirnexxielu jikkonvinċi lil Irvin biex almenu, jipprova jgħinhom. U wara li Irvin jibda jsegwi l-każ mill-qrib fil-Qorti, jibda jikkonvinċi ruħu li x’aktarx, l-affarijiet tassew mhumiex kif xi ħadd iridhom jidhru…

Il-Każ ta’ Francesca Grech u l-illustrazzjonijiet virtwali

L-illustrazzjoni kemm tal-qoxra kif ukoll fuq ġewwa tal-ktieb huma xogħol il-bravissima Francesca Grech. Ftit tas-snin ilu kienet ħadmet fuq il-ktieb Il-Familja Frattarija u d-dar li tagħtas (Merlin Publishers, 2020). Bl-istil uniku tagħha, Francesca rnexxielha tikkumplimenta l-istorja b’mod mill-aqwa. Tat ħajja lill-karattri ewlenin u sekondarji b’mod li jinqalgħu minn bejn il-paġni u timmaġinak qiegħed fil-kamra magħhom.

Il-kollaborazzjoni ma’ Francesca kienet vera xi ħaġa mingħajr intoppi ta’ xejn, qisna dejjem ħdimna flimkien. Qatt ma ltqajna wiċċ imb wiċċ, ħtija tal-pandemija, u x-xogħol sar kollu b’mod virtwali. Dan iżda ma fixkilx żgur.

Kif nibtet l-idea li wasslet għal Il-Każ tat-Tfajla Maħtufa 

Bħal m’għamilt fil-kotba tas-serje ta’ qabel dan, ispirajt ruħi minn clichés tal-ġeneru. L-ewwel cliché huwa dak ta’ ħtif ta’ persuna bi skop ta’ riskatt. Rajnieh kemm-il darba f’serje polizjeski. U l-idea li nibni l-istorja fuq hekk ġietni waqt li kont qed nara episodju tas-serje The Persuaders!, maħduma minn Roger Moore u Tony Curtis.

Il-cliché l-ieħor li wżajt fi Il-Każ tat-Tfajla Maħtufa huwa dak ta’ courtroom drama – b’narrattiva li tiffoka fuq x’jiġri ġewwa l-awla tal-Qorti waqt li jkun qed jinstema’ każ. Ftit wara li lestejt ir-raba’ draft tal-ktieb, kienu bdew jinstemgħu l-każijiet relatati mal-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia. Bħal ħafna Maltin, bdejt insegwi l-live blogs mill-Qorti li ġurnali online prominenti bdew ixandru f’temp reali kull meta jkun hemm is-seduti. Din it-tip ta’ storytelling affaxxinatni. Iddeċidejt li naddotta xi ħaġa simili għal dan il-ktieb – u hekk tajt twist modern lill-cliché.

Tuża Goodreads? Għax ma tħallix kumment dwar x’laqtek (jew ma laqtekx) dwar dan is-sitt każ? Uża din il-ħolqa.

Is-sensiela kollha

Il-Kotba kollha fis-sensiela Irvin Vella, Investigatur Virtwali huma dawn:

  1. Il-Każ Manduca (2015)
  2. Il-Każ tas-Serqiet Strambi (2016)
  3. Il-Każ tal-Gżejjer tat-Teżor (2018)
  4. Il-Każ Stella Maris (2019)
  5. Il-Każ tal-Maħżen Mitluq (2020)
  6. Il-Każ tat-Tfajla Maħtufa (2021)

Il-Każ tal-Maħżen Mitluq

Il-Każ tal-Maħżen Mitluq

Il-Każ tal-Maħżen Mitluq – Irvin Vella, Investigatur Virtwali #05

Minn kikkra kafé mal-editur lejn il-bidu tal-2013, għal dan il-ħames misteru tal-Investigatur Virtwali. Qatt ma bsart li din is-serje ta’ kotba għat-tfal se tintlaqa’ tant tajjeb. U dan is-suċċess jagħmilni ħerqan inkompli nesplora din id-dinja ta’ investigazzjoni u misteri immirata għal qarrejja ta’ bejn id-9 u l-14-il sena.

Din id-darba, Irvin Vella sparixxa u ħadd ma jaf fejn jinsab. Ma ħalla ebda nota, ebda messaġġ li jista’ jagħti ħjiel ta’ fejn seta’ mar…

Il-Każ tal-Maħżen Mitluq, Irvin Vella 5

Is-sensiela ta’ kotba bil-Malti għat-tfal Irvin Vella – Investigatur Virtwali tkompli b’dan il-ħames ktieb fis-serje, Il-Każ tal-Maħżen Mitluq, pubblikazzjoni Merlin Publishers, 2020.

Il-ktieb jista’ jinxtara online minn hawn (posta bla ħlas). F’din il-ħolqa tista’ wkoll taqra l-ewwel żewġ kapitli b’xejn (kemm tagħfas fuq EXCERPT).

Continue reading “Il-Każ tal-Maħżen Mitluq”

L-Aħħar Ħolma

Il-Logħba tal-Allat #02

L-Aħħar Ħolma huwa t-tieni ktieb li ppubblikajt, u l-ewwel xogħol tiegħi ma’ Merlin Publishers. Ħareġ għall-bejgħ f’Ġunju tal-2010 u rebaħ il-Premju Nazzjonali tal-Ktieb 2011.

Għalkemm l-istorja miktuba l-aktar għall-qarrejja minn 12-il sena ‘il fuq, lill-kbar għoġobhom ħafna wkoll.

179424_186995021321624_4300131_n

Il-qoxra hija xogħol l-artist bravissimu Matthew Grima Connell li uża teknika ta’ photo montage biex ħoloq kapulavur kbir. U jekk tħares sew, jaf anki ssib il-ġurdien fil-qoxra.

Dwar l-istorja

Għalkemm dan jiġi t-tieni volum fit-triloġija l-Logħba tal-Allat, ma jkomplix mal-ġrajjiet tal-ewwel ktieb (It-Tielet Qamar) iżda jirrakkonta x’ġara madwar sittin sena qabel. Prequel li jixħet dawl fuq x’wassal biex Salvu l-Qamar u Mikiel l-Anġlu (iż-żewġ protagonisti ewlenin) jitlewmu.

Kollox jibda f’ċella ta’ ħabs, fuq dinja bħal tagħna iżda fl-istess ħin differenti. Salvu, imlaqqam il-Qamar, qiegħed jaħseb lura fuq meta flimkien ma’ sieħbu Mikiel, kienu niżlu jqattgħu lejl f’Ħaġar Qim bħalma kienu jħobbu jagħmlu fi tmiem il-ġimgħa. Iżda dik id-darba ma kinitx bħas-soltu … għax f’salt wieħed, bi żball jew b’kumbinazzjoni, sfaw katapultati f’univers ieħor. U sabu ruħhom f’nofs logħba li ilha tintlagħab eluf kbar ta’ snin, sa minn dakinhar li sitt aħwa b’setgħat tal-għaġeb ħolquha biex jgħaddu ftit taż-żmien.

Iżda issa r-regoli tal-logħba nbidlu …

Il-Premju Nazzjonali tal-Ktieb 2011

L-Aħħar Ħolma, rebbieħ tal-ewwel premju fil-kategorija proża bil-Malti għall-adolexxenti

L-Aħħar Ħolma rebaħ il-Premju Nazzjonali tal-Ktieb fl-2011 fil-kategorija Proża għall-Adolexxenti. Qas naf niddeskrivi eżatt x’ħassejt dakinhar. Naf li ma qomtx mill-ewwel biex nitla’ għall-premju għax ma ħsibtni smajt ħażin.

Ir-reazzjoni tal-qarrejja

L-Aħħar Ħolma kompla bis-suċċess li kiseb It-Tielet Qamar u ħafna dilettanti tal-fantażija bil-Malti niżlilhom għasel. Kien hemm bosta ġurnalisti li għamlu riċensjonijiet tal-ktieb u anki studenti li analizzaw l-istorja fid-dettal.

55002_10150092919086047_3384205_o

Ħafna qarrejja taw reviews pożittivi għall-ktieb fuq Goodreads u xi wħud li ħallew ukoll kummenti dwar dak li għoġobhom mill-istorja.

Ixtri l-ktieb

Titħajjar taqrah? L-Aħħar Ħolma jista’ jinxtara online minn hawn.


Il-Kotba kollha fis-sensiela Il-Logħba tal-Allat huma dawn:

  1. It-Tielet Qamar
  2. L-Aħħar Ħolma
  3. Is-Sitt Aħwa

It-Tielet Qamar

Il-Logħba tal-Allat #01

It-Tielet Qamar huwa l-ewwel ktieb li ppubblikajt. Beda minn taħżiża li għamilt xi mkien lejn l-2003, u l-ktieb ħareġ għall-bejgħ fl-2008. Ngħożżu għax kien pass kbir, f’ħafna aspetti. Tgħallimt ħafna lezzjonijiet importanti dwar il-kitba, x’għandek tagħmel, u aktar importanti minn hekk, dak li ‘m’għandekx tagħmel. B’dan il-ktieb wettaqt ħolma, xi ħaġa li kien ilni nixtieq u li għaddast rasi u għamiltha.

itq

Minn dakinhar, l-ewwel edizzjoni (li ppubblikajt għal rasi) ġiet mibjugħa kollha u t-tieni edizzjoni (2010), din id-darba ppubblikata minn Merlin Publishers, kienet suċċess kbir ukoll ma’ dawk kollha li jħobbu l-ġeneru tal-fantasija.

Dwar l-istorja

It-Tielet Qamar ilaqqana ma’ Xon, Marku u Riku, tliet iħbieb li għandhom ħmistax-il sena u li jgħixu kollha fl-istess raħal. In-nannu ta’ Xon, xwejjaħ ta’ ħamsa u desgħin sena, imut ħabta u sabta fil-bidu nett tal-ktieb, u tkun din il-mewt li tagħti bidu għall-vjaġġ mhux tas-soltu ta’ dawn it-tlett protagonisti.

Bl-għajnuna ta’ muftieħ speċjali u kitbiet li jħallilhom in-nannu ta’ Xon, jirnexxielhom isibu bieb misterjuż li jinfed bejn id-dinja tagħna u dinja tixbahha, li ġġib l-isem ta’ Qim. F’din id-dinja parallela, hemm poplu antik jistennihom, u avventura kbira li se tħallihom bla nifs.

Il-Premju Ġieħ Ħad-Dingli 2008

It-Tielet Qamar - John A. Bonello 2008

F’Settembru tal-2008, ġejt mogħti l-ewwel premju b’rabta mal-letteratura. Dan kien il-premju Ġieħ Ħad-Dingli, mogħti mill-Kunsill Lokali ta’ raħal twelidi. Kien premju li ma stennejtx, li ġegħelni nistħi mmens għax kelli nitkellem quddiem pjazza nies għall-ewwel darba f’għomri, u li għamilni kburi ħafna – kemm għax ħassejtni apprezzat minn Dinglin bħali u kemm għax f’dak il-mument irealizzajt li bil-kitba tiegħi nista’ b’xi mod inkun ta’ għajnuna għall-komunità li ngħix fiha.

Ir-reazzjoni tal-qarrejja

It-Tielet Qamar kiseb suċċess għax il-ġeneru tal-fantażija mhuwiex wieħed popolari ħafna mal-kittieba Maltin, u hawn għatx għal materjal hekk fost dawk li jħobbu dan il-ġeneru. Kien hemm bosta ġurnalisti li għamlu riċensjonijiet tal-ktieb u anki studenti li analizzaw l-istorja fid-dettal.

it-tielet qamar kumment minn lara calleja

Ħafna qarrejja taw reviews pożittivi għall-ktieb fuq Goodreads, bħal dan il-kumment t’hawn fuq tal-awtriċi Lara Calleja li apprezzajt bil-kbir.

Matul is-snin, irċivejt u għadni nirċievi ħafna messaġġi privati dwar dan l-ewwel ktieb tiegħi, u kull messaġġ ngħożżu għax nitgħallem dejjem minn kif l-istorja laqtet lil qarrejja differenti b’modi differenti.

Ixtri l-ktieb

Titħajjar taqrah? It-Tielet Qamar jista’ jinxtara online minn hawn.


Il-Kotba kollha fis-sensiela Il-Logħba tal-Allat huma dawn:

  1. It-Tielet Qamar
  2. L-Aħħar Ħolma
  3. Is-Sitt Aħwa

Il-Każ Stella Maris

Il-Każ Stella Maris – Irvin Vella, Investigatur Virtwali #04

Wara misteru ġewwa villa fir-Rabat, għadd ta’ serqiet strambi fejn ma nstab xejn nieqes u kaċċa għal teżor mhux tas-soltu, l-Investigatur Virtwali ħa f’idejh każ bejn sema u ilma.

IMG_20191011_114718_Bokeh

Is-sensiela ta’ kotba bil-Malti għat-tfal Irvin Vella – Investigatur Virtwali tkompli b’dan ir-raba’ ktieb fis-serje, Il-Każ Stella Maris, pubblikazzjoni Merlin Publishers, 2019.

Il-ktieb jista’ jinxtara online minn hawn (tqassim b’xejn).

Continue reading “Il-Każ Stella Maris”

Il-Każ tas-Serqiet Strambi

Il-Każ tas-Serqiet Strambi - Irvin Vella, Investigatur Virtwali #02

Il-Każ tas-Serqiet Strambi – Irvin Vella, Investigatur Virtwali #02

Sena wara d-debut ta’ Irvin Vella, l-investigatur virtwali jirritorna b’każ ġdid, din id-darba ambjentat fi żmien il-Milied. Fil-gazzetti lokali ġew irrapurtati għadd ta’ serqiet fejn il-Pulizija ma setgħux isibu x’insteraq. Mikulin bil-kurżitá, Irvin u l-kuġini tiegħu Luca u Laura, mill-ewwel jaraw il-potenzjal ta’ każ ġdid—xejn xejn, huwa mod kif iqattgħu l-btajjel tal-Milied b’mod naqra aktar interessanti milli jaħlu l-ħin jilagħbu l-PlayStation.

L-investigazzjoni tieħu lit-tliet protagonisti fil-ħwienet li ssemmew fil-gazzetta, u minn hemm għal post interessanti ferm–fabbrika tal-ikel, fejn sewwa sew tiġi manifatturata l-iSpintzies (il-borża favorita t’Irvin). Ftit ftit, jibdew jikixfu l-borom ta’ xi wħud mill-karattri ta’ din in-novella. Iżda x’fiha l-borma, jgħidu li min sajjar biss jaf.

Il-Każ tas-Serqiet Strambi jirbaħ il-Premju Nazzjonali Tal-Ktieb 2017

Il-Każ tas-Serqiet Strambi kien ippubblikat minn Merlin Publishers fl-2016. Fl-2017, rebaħ il-Premju Nazzjonali tal-Ktieb (Premju Terramaxka) fil-kategorija Kotba għat-Tfal (etajiet 8-12-il sena) u minn dakinhar diġa’ wasal fit-tieni edizzjoni. Ħafna skejjel madwar Malta żiduh bħala wieħed mill-kotba li jinqraw fil-kurrikulu tal-Malti, speċjalment fl-ewwel snin tas-sekondarja.

premju terramaxka 2017 iv2

Il-qoxra u l-illustrazzjonijiet li għandu l-ktieb huma għal darboħra xogħol Lisa Falzon, illustratriċi bravissima li tat wiċċ lill-karattri ewlenin tas-sensiela u li rebħet ukoll bosta premjijiet marbutin mal-illustrazzjonijiet tagħha ta’ Irvin Vella.

Ir-reazzjoni tal-qarrejja

Fil-midja lokali, ġew ippubblikati diversi artikli, intervisti u riċensjonijiet dwar dan it-tieni ktieb fis-serje Irvin Vella, Investigatur Virtwali.

Il-Każ tas-Serqiet Strambi - Irvin Vella, Investigatur Virtwali #02

It-tieni każ ta’ Irvin Vella kellu reazzjonijiet pożittivi ħafna, b’reviews ta’ erba’ u ħames stilel fuq Goodreads. Aqra ftit x’kellu xi jgħid l-awtur Mark Camilleri dwar Il-Każ tas-Serqiet Strambi:

iv2 review

Ixtri l-ktieb

Titħajjar taqrah? Il-Każ tas-Serqiet Strambi jista’ jinxtara online minn hawn.


Il-Kotba kollha fis-sensiela Irvin Vella, Investigatur Virtwali huma dawn:

  1. Il-Każ Manduca (2015)
  2. Il-Każ tas-Serqiet Strambi (2016)
  3. Il-Każ tal-Gżejjer tat-Teżor (2018)
  4. Il-Każ Stella Maris (2019)
  5. Il-Każ tal-Maħżen Mitluq (2020)

Il-Każ Manduca 

Il-Każ Manduca - Irvin Vella, Investigatur Virtwali #01

Il-Każ Manduca – Irvin Vella, Investigatur Virtwali #01

Dan huwa l-ktieb li jlaqqagħna l-ewwel darba ma’ Irvin Vella, żagħżugħ li wara li temm l-iskola, iddeċieda li jipprova jsir investigatur privat. Waqt li għaddej jistudja u jagħmel l-eżamijiet biex iġib liċenzja t’investigatur privat maħruġa mingħand il-Kummissarju tal-Pulizija, Irvin jieħu xi biċċa xogħol ‘l hawn u ‘l hemm biex ikun jista’ jikseb ftit esperjenza.

F’din l-istorja, Irvin isib ruħu jagħmel stħarriġ ġewwa villa antikissima fir-Rabat, Villa Manduca. Iż-żewġt aħwa xjuħ li jgħixu f’din il-villa, il-Barunessi Domenica u Rita Manduca, qalulu li qed jidrilhom il-ħares ta’ nannuhom Rikkardu, li issa ilu mejjet għexieren ta’ snin. Kull darba li jidrilhom, jisħaq magħhom li jridhom ifittxu jitilqu minn dik id-dar.

Bl-għajnuna ta’ Luca u Laura, aħwa tewmin u kuġini t’Irvin, l-investigatur żagħżugħ (u wikkiel) jieħu dan il-każ f’idejh. Jirnexxielu jiskopri x’qed jiġri?

Il-Każ Manduca jirbaħ il-Premju Nazzjonali Tal-Ktieb 2016

Il-Każ Manduca kien ippubblikat minn Merlin Publishers fl-2015. Fl-2016, rebaħ il-Premju Nazzjonali tal-Ktieb (Premju Terramaxka) fil-kategorija Kotba għat-Tfal (etajiet 8-12-il sena) u minn dakinhar diġa’ wasal fit-tielet edizzjoni. Ħafna skejjel madwar Malta qed iżiduh bħala wieħed mill-kotba li jinqraw fil-kurrikulu tal-Malti, speċjalment fl-ewwel snin tas-sekondarja.

IMG_20161108_200225

Il-qoxra u l-illustrazzjonijiet li għandu l-ktieb ukoll kisbu suċċess kbir. Dawn huma xogħol Lisa Falzon, illustratriċi bravissima li tat wiċċ lill-karattri ewlenin tas-sensiela u li rebħet ukoll bosta premjijiet marbutin mal-illustrazzjonijiet tagħha ta’ Irvin Vella.

Ir-reazzjoni tal-qarrejja

Ir-reazzjonijiet għad-debut ta’ Irvin Vella kienu pożittivi ħafna. Il-Każ Manduca igawdi minn riċensjonijiet tassew tajbin fuq Goodreads. Aqra ftit minnhom hawn taħt:

This slideshow requires JavaScript.

Ixtri l-ktieb

Titħajjar taqrah? Il-Każ Manduca jista’ jinxtara online minn hawn.


Il-Kotba kollha fis-sensiela Irvin Vella, Investigatur Virtwali huma dawn:

  1. Il-Każ Manduca (2015)
  2. Il-Każ tas-Serqiet Strambi (2016)
  3. Il-Każ tal-Gżejjer tat-Teżor (2018)
  4. Il-Każ Stella Maris (2019)
  5. Il-Każ tal-Maħżen Mitluq (2020)