Dan l-aħħar kont qed nibni ħajt fl-għalqa tiegħi. Qatt ma kont bnejt f’ħajti, imma xtaqt nitgħallem. U tgħallimt aktar minn ħaġa waħda.
Tgħallimt, pereżempju, li ħajt jinbena bħal ma tinbena storja; l-ewwel ma tagħmel huwa li ssib il-materjal biex tibni. Tagħżel il-ġebel skont il-qies. Tħejji l-pedamenti sew. Imbagħad tibda tibni żewġt iqxur, billi tpoġġi l-ġebel il-kbir nett fil-qiegħ. Fuqu, ġebel naqra iżgħar. Tibqa’ tiela’ ‘l fuq b’dan il-mod, sakemm tispiċċa bl-iżgħar ġebel fuq nett. Fin-nofs timlieh bit-turbazz u b’ġebel żgħir biex kollox jintrabat ma’ xuxlin.
L-istess tinkiteb storja. Tibda mir-riċerka għall-idea li tkun ġietek. Imbagħad toħroġ il-punti ewlenin, u minnhom tislet punti iżgħar. Meta tibda tikteb, timla bid-dettallji u l-irqaqat, dawk li se jorbtu l-istorja flimkien u jagħmluha interessanti.