Arti, Disinn u Enerġija

IVProfileNhar is-7 ta’ Jannar 2015 ġejt mistieden minn grupp ta’ studenti tal-istitut tal-Arti u d-Disinn tal-MCAST biex nieħu sehem fi proġett bħala parti mill-kors tagħhom. Il-proġett ħa l-forma t’intervista televiżiva, fejn il-grupp ta’ studenti tqassmu skont il-ħiliet differenti tagħhom biex tellgħu programm qasir ta’ kwarta bl-isem ta’ Perspettivi.

Dan il-programm se jservi biex l-istudenti jiġu assessjati fuq dak li tgħallmu matul il-kors tagħhom. Ġewwa l-istudio tagħhom, ħadu ħsieb kollox bl-akbar reqqa u bi professjonalità li tisboq saħansitra dik ta’ wħud mill-istazzjonijiet lokali fejn ġieli mort nagħti xi intervisti. Ħolqu feature interessanti biex jiftaħ il-programm, imbagħad kellhom silta qasira f’sura ta’ dokumentarju dwar il-letteratura Maltija matul iż-żminijiet, u minn hemm bdiet l-intervista li għamlu lili. Il-preżentatriċi, Jenny, għalkemm naf li kellha ħafna friefet u eċitament, kienet preparatissima u rnexxielha tmexxi l-intervista b’mod tajjeb ħafna. Sħabha appoġġjawha perfettament minn wara l-kwinti, bi Claire, li ħadet ħsieb il-produzzjoni tal-programm, tinkuraġġiha u tara li kollox isir fil-ħin stabbilit.

Kienet esperjenza sabiħa. Fost l-oħrajn, tkellimt fuq il-ktieb il-ġdid tiegħi li ħiereġ ħmistax oħra, fuq l-isfidi li nikteb għal udjenzi differenti u tajt ukoll l-opinjoni tiegħi dwar din il-perċezzjoni li ħafna nies għandhom ta’ kunflitt bejn il-kotba elettroniċi u l-kotba tradizzjonali.

Il-post għoġobni ħafna – attrezzat tajjeb immens, f’ambjent imdawwar bis-siġar u bil-veduti t’Għajn Riħana. Hemm enerġija vibbranti f’dak il-lok. Xtaqt li meta kont għadni iżgħar kien jeżisti post bħal dak fejn forsi stajt nistudja s-suġġetti li minn dejjem kienu għal qalbi b’aktar kumdità u b’mod sħiħ. Nawgura mill-qalb lil dan il-grupp ta’ studenti mimlijin entużjażmu u kreattività.

Advertisements

Leave a Reply

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s