Habemus nomen! L-istorja wara isem il-ktieb . . .

Fil-Mergħat tal-ImpossibbliFtit ilu, ħabib tiegħi beda jikteb l-ewwel novella tiegħu. Staqsieni hux importanti li jibda billi jagħti isem lill-istorja. It-tweġiba tiegħi kienet li għalissa għandu juża isem li jkun, bħala working title, xi ħaġa biex meta jaħseb dwar l-istorja jkun jista’ jiddefenixxiha aħjar. Eventwalment, l-isem tal-ktieb joħroġ waħdu matul is-sezzjonijiet tal-kitba, u jekk dan ma jseħħx, wieħed jista’ jagħmel ftit taż-żmien jirriċerka u jaħseb fuq isem xieraq. Fuq l-Internet, hemm ħafna sorsi t’għajnuna li jistgħu jagħtu daqqa t’id biex issib l-isem perfett. M’hemmx dubju li l-isem aħħari li tagħti lill-ktieb huwa importanti ħafna. Ir-raġunijiet spjegathom tajjeb ħafna Helena P. Schrader:

“…a good title must fulfill multiple functions. It must have some relationship to the content of the book it designates. It must be notable. It must be comparatively unique. It must attract the right readers. And, nowadays, it must also work-well for on-line search engines.”

Jekk nieħu l-kotba tiegħi bħala eżempju, rari ħafna li ppubblikajt ktieb bl-ewwel isem li tajtu. Pereżempju, qabel għażilt l-isem It-Tielet Qamar għall-ewwel ktieb li ppubblikajt, kont diġà ktibt nofsu. L-Aħħar Ħolma oriġinarjament kien jismu ‘Il-Qamar u l-Anġlu’ u kont ikkunsidrajt ukoll l-isem ‘Għar iż-Żmien’ għalih. Għażilt li nsemmieh ‘L-Aħħar Ħolma’ jien u nikteb l-aħħar kapitlu tal-ktieb. Is-Sitt Aħwa kellu bosta titli wkoll, fosthom, ‘Il-Qamar Filgħodu’, ‘Eklissi’ u ‘Is-Seba’ Sema’. Wieħed mill-ewwel drafts tiegħu infatti kont tajtu lill-beta-readers bit-titlu ‘Eklissi’. Iżda ma kontx konvint. Biex naqta’ l-kundanna, għamilt speċi ta’ opinion poll ċkejkna fejn bgħatt l-ismijiet lil għadd ta’ ħbieb u tlabthom jagħżlu. Is-Sitt Aħwa ħareġ favorit b’maġġoranza kbira.

Ħafna drabi jiġri wkoll li isem ta’ ktieb ikun għal qalbek ħafna, imma jkollok tbiddlu minħabba ċirkustanzi oħrajn. Hekk ġrali pereżempju bl-isem oriġinali ta’ Fil-Mergħat tal-Impossibbli. Għall-ewwel, kont bdejt insejjaħlu biss bħala ‘81’, in-numru tal-karozza tal-linja ta’ Ħad-Dingli li ispiratni biex nikteb l-istorja. Iżda kont naf li mhux dak l-isem tal-ktieb. Meta lestejtu, għażilt l-isem ‘Is-Sejħa’, bit-tieni parti jkun jisimha ‘Il-Qofol’ (dan inbidel ukoll u sar jismu ‘Jien, Wieħed Minnhom’, u għandu jiġi ppubblikat fiż-żmien li ġej). Il-problema kienet li ‘Is-Sejħa’ u ‘Il-Qofol’, għalkemm sinnifikanti għalija, la kienu wisq uniċi, u lanqas ma kienu jqanqlu wisq il-kurżità tal-qarrej. U kif għażilt ‘Fil-Mergħat tal-Impossibbli’? Ħsibt f’dan it-titlu waqt waħda mill-mixjiet tiegħi fuq l-irdum. Kont qed infittex żewġ kelmiet li jikkuntrastaw – ‘Mergħat’ hija kelma Semitika, li m’għadhiex tintuża wisq ħlief f’kotba tal-knisja u f’salm partikulari. ‘Impossibbli’ hija kelma Rumanza, li sirna nużawha kuljum. Ir-riżultat aħħari huwa li t-titlu jirrifletti l-proċess ta’ bidla li għaddha minnu Steve Ebejer, il-protagonist u narratur tal-istorja, li abbanduna ħajja li kien jaf biex adotta waħda ġdida.

U kieku inti, x’issemmieh il-ktieb tiegħek?

Advertisements

Leave a Reply

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s