Stejjer Qosra 01: It-Tifla li Qalbet il-Muntanja Rasha ’l Isfel

girl-609411_1280Din bloggata ftit differenti minn tas-soltu. Minn żmien għal żmien se nibda ntella’ xi stejjer qosra li ktibt. U se nibda b’din. Storja qasira għat-tfal li ktibt f’Jannar tal-2014 biex ipparteċipajt f’konkors ta’ stejjer qosra organizzat mill-għaqda studenteska MeStories. L-istorja intgħażlet mill-għaqda u intużat f’App li dawn il-grupp ta’ studenti ħolqu apposta biex jintegraw fiha stejjer qosra bil-Malti għat-tfal … din l-istorja jisimha It-Tifla li Qalbet il-Muntanja Rasha ’l Isfel:

Qatra xita waqgħet mill-għoli mill-għoli u baqgħet nieżla ’l isfel ’l isfel. Tant kienet kiesħa, li meta laqtet il-ponta ta’ mnieħer tifla ta’ disa’ snin, din inħasdet sew. Kienet f’nofs nagħsa fonda dak il-ħin. Ema ħarset ’il fuq minn bejn il-friegħi tas-siġra fejn kienet daħlet tistkenn. Rat is-sema magħqud, mimli sħab. Żgur kienet se tagħmel xi koċċ xita u dik l-ewwel qatra kienet sinjal li l-maltempata waslet. Ema kienet tħobbha ħafna x-xita, iżda l-aktar li kienet togħġobha kien meta tkun għall-kenn ta’ darha u toqgħod tittawlilha minn wara l-ħġieġ imtappan. Fuq dak il-ħġieġ min jaf kemm-il wiċċ b’espressjoni differenti ħażżet!

Ftit ’il bogħod lemħet razzett. Sakemm kienet qed taħsibha tmurx tħabbat il-bieb jew le, berqa kbira xegħlet is-sema minn naħa s’oħra. Ir-ragħda li faqqħet ftit tas-sekondi wara tarrxitilha widnejha. Ma ħasbithiex aktar. Qamet u telqet f’ġirja lejn il-bieb tar-razzett, hekk kif qtar tax-xita oħxon beda nieżel warajha mkeskes mir-riħ. Kif waslet u qed tgħolli jdejha biex tħabbat, il-bieb tbexxaq qisu b’xi seħer.

Mara dħulija laqgħeta minn wara l-bieb u ghamlitilha sinjal biex tidħol. Ema daħlet. Sħana sabiħa tatha merħba, u mill-ewwel neħħiet il-ġakketta ħoxna li kienet liebsa. Bil-ġakketta f’idha, imxiet wara l-mara għal ġo kamra mdaqqsa fejn kien hemm fuklar b’nar imqabbad għaddej jarmi s-sħana. In-naħa l-oħra tal-kamra kien hemm kċina kbira b’mejda twila b’sitt siġġijiet. Eżatt quddiem il-fuklar, żewġ sufanijiet ħodor skuri. Fuq wieħed minn dawn kien hemm tifla tampar Ema, mimduda u mgħottija b’kutra kollha lwien. Lanqas rasha ma kellha tidher. Il-mara qalet lil Ema li dik kienet bintha u kienet qiegħda tistrieħ għax ma tiflaħx. Sakemm ippreparatilha xarba sħuna bl-għasel, ġinġer u lumi, il-mara kompliet tirrakkonta kif l-uniku tama biex bintha tfieq mill-marda kiefra li ħakmitha kien li tuża l-weraq ta’ xitla mediċinali li tikber biss fuq il-quċċata ta’ muntanja. Din il-muntanja kienet tinsab madwar ġurnata mixi mir-razzett.

L-inkwiet tal-mara kien li ma setgħet tagħmel xejn ħlief toqgħod ma’ bintha u ddur biha għax ma kinitx tissogra tħalliha mqar siegħa waħedha, aħseb u ara jumejn. Il-kundizzjoni tat-tifla kienet iggravat malajr, u issa la kienet qiegħda tqum u lanqas titkellem. Kienet qisha daħlet f’raqda li ma setgħetx tqum minnha. Ema ħasset ħafna għal dik it-tifla u għal ommha. Bdiet tistħajjel lilha nnifisha flokha. Kieku x’kienet tagħmel fl-istess sitwazzjoni?

Il-mara offritilha biex dak il-lejl tibqa’ hemmhekk magħhom fir-razzett. Barra kien kważi dalam għal kollox u l-maltemp kien għaddej b’qawwa kbira. Ema aċċettat. Għenet lill-mara tipprepara ftit ikel. Waqt li kielu, komplew ipaċpċu u Ema offriet li malli l-maltemp ibatti u jisbaħ tmur hi stess tfittex din ix-xitla mirakoluża.

U għamlet propju hekk.

Il-maltemp waqaf ftit qabel is-sebħ. Ema bakkret biex tilħaq titlaq l-aktar kmieni possibbli. Lanqas fatra ma ħadet – minflok, kebbet ftit ħobż ġo maktur u qagħdet tnaqqru mat-triq. Il-mara kienet spjegatilha minn fejn l-aħjar li għandha tgħaddi biex tasal sat-trejqa li tieħu sal-quċċata. Kienet tatha wkoll tagħrif dwar ix-xitla u kif tagħrafha. Qaltilha li għalkemm hi qatt ma kienet marret hemm fuq, ġieli semgħet lix-xjuħ jgħidu li biex issib ix-xitla trid taqleb il-muntanja rasha ’l isfel.

Imxiet fuq l-imxiet, sakemm nifisha beda jinqatgħalha u saqajha juġgħuha. Imxiet sakemm ix-xemx ġriet f’sema mimlija sħab maqtugħ u daret lejn il-Punent biex tibda nieżla.

Ħin minnhom, Ema waslet f’post fejn kien hemm għar ċkejken milqugħ mir-riħ. Straħet ftit hemmhekk. Tefa’ ta’ ġebla ’l bogħod mill-għar Ema sabet għajn t’ilma ġieri li kien ħiereġ b’saħħtu minn ġol-blat tal-muntanja biex jifforma nixxiegħa. Xorbot minn dak l-ilma li taha s-saħħa filwaqt li kielet ftit gallettini li tatha l-mara qabel telqet.

Ħarset ’il fuq lejn ix-xemx tilagħab noli wara s-sħab. Indunat li kien fadlilha madwar tliet sigħat qabel jibda jaqa’ d-dlam. Biex tilħaq il-quċċata tal-muntanja kien fadlilha titla’ biss ftit oħra, u xtaqet li tlaħħaq tasal qabel inżul ix-xemx. Immemorizzat il-post biex hi u nieżla lura terġa’ ssibu u tgħaddi l-lejl hemmhekk fejn kien hemm ftit tal-kenn.

Ema ssokktat il-mixja tagħha fis-skiet u l-kesħa tal-muntanja. Meta fl-aħħar xirfet fuq il-quċċata sabet li kien hemm pjanura kbira kbira. Ema mxiet u fittxet kull xiber art, u għalkemm kien hemm bosta tipi ta’ ħxejjex, tax-xitla li riedet ma kienx hemm ħjiel. Daret fuq li daret. Daħlilha dubju jekk kinitx fehmet lill-mara sew. Qabdet se taqta’ qalbha għax issa kien appik li jidlam. Issokktat fit-tfittxija tagħha.

Meta kienet għoddha tilfet kull tama, ftakret fi kliem il-mara, meta kienet qaltilha li biex issib ix-xitla trid taqleb il-muntanja rasha ’l isfel. Ħafifa ħafifa, Ema għamlet kutrumbajsa u daret rasha ’l isfel u saqajha ’l fuq. Bi tbatija żammet hekk għal ħin twil biżżejjed biex tkun tista’ tħares ’l isfel u tfittex taħtha. Indunat li f’dik il-pożizzjoni setgħet tiffoka aħjar fuq l-art ta’ taħtha.

U fl-aħħar raġġ dawl tax-xemx, li kienet kważi għebet taħt ix-xefaq mimli sħab, Ema lemħet żewġ werqiet bellusin tax-xitla li kienet telgħet tfittex. Kienu moħbijin sewwa qalb il-blat. Mingħajr telf ta’ żmien qatgħethom bil-galbu, geżwrithom ġo maktur u lebbtet ’l isfel. Sakemm dalam laħqet waslet eżatt eżatt fl-għar u għaddiet il-lejl hemmhekk. Kemm tertret bil-bard!

Meta fl-aħħar beda jbexbex, Ema kienet diġa’ nieżla mill-mgħodija minn fejn telgħet il-jum ta’ qabel. Riġlejha kienu se jċedu l-aħħar meta waslet ir-razzett. Sabet lill-mara tistennieha fil-bieb u meta fetħet il-maktur u wrietha l-werqiet din tgħidx kemm ferħet u għannqitha magħha.

Fil-kċina tar-razzett, il-mara għalliet l-weraq, ħalliet ix-xarba tibred, imbagħad sqietha lil bintha. U bħal ma jiġri fl-istejjer, it-tifla stejqret minnufih malli misset ix-xarba ma’ xofftejha. L-omm bkiet bil-ferħ hi u tgħannaq ’il bintha. Lil Ema wkoll qabżitilha dema tara ’l omm u l-bint magħqudin mill-ġdid. L-omm irrakkontat kif Ema marret fil-quċċata tal-muntanja biex iġġib il-weraq tax-xitla tal-fejqan, u t-tifla radditilha ħajr u għanqitha magħha bħal ma kienet għamlet lil ommha ftit qabel.

Barra kien reġa’ l-maltemp. Rwiefen kbar ħakmu l-lejl taħt idejhom, mgħejjunin mix-xita li għal sigħat sħaħ niżlet bla waqfien. Ġewwa, Ema fl-aħħar raqdet fuq wieħed mis-sufanijiet ħodor għas-sħana tal-fuklar, mgħottija b’kutra kollha lwien, imgeżwra tant sew li lanqas rasha ma kellha tidher.

Advertisements

Leave a Reply

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s