Stejjer Qosra 02: L-Aħħar Ftit Waqtiet

knight-321443_1920

Din l-istorja ktibtha fl-14 ta’ Lulju 2012, f’kafetterija fi Triq in-Nofsinhar fil-Belt Valletta. Ftit taż-żmien qabel kien għadni kif qrajt ktieb dwar l-assedju b’rabta ma riċerka li kont qed nagħmel għal ktieb minn tiegħi, u din l-istorja qasira nibtet minn hemm. Fiha ppruvajt nara u ngħix episodju importanti tal-Assedju l-Kbir minn għajnejn xi ħadd li kien tilef kull tama…

L-Aħħar Ftit Waqtiet

Trab bajdani waqa’ minn mat-travi tal-injam skur kull darba li l-ħitan u s-soqfa għoljin tas-sala triegħdu taħt il-qawwa tal-balal tal-għadu. Issa kulħadd kien dara li mis-sebħ sad-dlam, jum wara jum, siegħa wara siegħa, l-attakk Tork kien jippersisti. Kont smajt lil wieħed mill-kavallieri Spanjoli jgħid lil Kavallier Taljan li l-Misilmin kienu ġabu magħhom kanuni sitt darbiet akbar mill-kanuni tal-ordni. U mhux wieħed jew tnejn kellhom minn dawn il-kanuni, iżda mijiet, u kienu qed jisparawhom f’salt lejn l-ibliet Maltin minn ħafna bnadi differenti.

Kien ilhom xahrejn issa li bdew l-assedju kontrina, u s’issa, kulma kien irnexxielhom jirbħu kien biss Sant’Iermu – u bi tbatija. L-għidut kien li minn tagħna konna tlifna elf u sitt mija, bejn kavallieri, Maltin, u suldati barranin li wieġbu s-sejħa għall-għajnuna tal-Granmastru. Iżda dawk l-elf u sitt mitt ruħ qalbiena kienu kaxkru magħhom madwar tmint elef Tork.

Aktar trab tfarfar mis-saqaf u għabra fina waqgħet lejn l-art u lejn is-sodod, tiżfen fuq l-imrieżaq tax-xemx deħlin angulati mit-twieqi għoljin, hekk kif aktar balal waqgħu fuq is-swar ta’ Sant’Anġlu.

Qomt bilqiegħda kif stajt, u serraħt dahri mat-tustiera tas-sodda ċkejkna li kienu qegħduni fiha. Ħruq kbir tul spallti, s’għonqi, u fuq wara ta’ dahri ħasadni tant kemm kien irqiq u akut. Intbaħt li kont infaxxat bi drapp tal-qoton issikkat u li kien qed iqabbadni sħanat kbar u ħakk, u ma kontx naf x’hemm taħt dawk il-faxex. Farka ta’ tifkira wrietni sikkina tal-għadu, iżda xejn iżjed. Iċċaqlaqt bil-mod sakemm sibt pożizzjoni ftit komda u li fiha ma ħassejtx ħruq. F’daqqa waħda ħassejt taħt abti imxarrab u meta ttawwalt rajt roqgħa ħamra skura mdaqqsa, tikber. Waqaft mitħarrek u qabadni ferħ ta’ ġenn. Iżda ma werżaqtx kif xtaqt nagħmel, għax hekk kif għollejt ħarsti biex nara nsibx lil xi ħadd fil-qrib li jgħini, għall-ewwel darba nintebaħ b’dak li kien hemm fis-sala madwari.

Sodda maġenb sodda bħal dik li kont fuqha jien, u ma kienx hemm waħda battala. Nies ta’ kull xorta, fil-biċċa l-kbira rġiel, iżda lmaħt ukoll tfal u żgħażagħ tampari, kulħadd mimdud, min infaxxat, min le, min sfigurat, min bla id, oħrajn bla saqajn.

Għal bidu kont trux, donnhom widnejja ma jridux jisimgħu l-krib tal-midruba, jew forsi kien moħħi li tarraxni biex jiddefendini, u minflok kont qed nisma’ biss il-ħsejjes ma jaqtgħu xejn tal-balal tal-għadu. Iżda issa li tajt każ, issa bdejt nismgħahom. Krib li jqabbdek ħlewwa ta’ qalb, talb imgedwed mgħaġġel, biki, dagħa. Il-ħsejjes vera tal-gwerra. Għaddejjin bejn is-sodod kien hemm nofs tużżana nisa, jisqu ftit ilma ‘l dak, jgħattu lil ieħor li kien qed iterter bil-bard tad-deni, inewlu kisra ħobż imxarrba fl-inbid lit-tali li ħassu jistordi.

Ma domtx nikkontempla dak kollu. Hekk kif bdejt naħseb x’nista’ nagħmel biex nitbiegħed minn dak id-dwejjaq, ħoss enormi ħasad lil kulħadd, u din id-darba mhux għabra mliet l-arja, iżda sħaba bajda li weħlet taħt it-travi u xterdet ma’ kullimkien. Il-ħoss, li kien itarrax, dam sejjer għal ftit waqtiet, qisu xi ragħda kbira, u kulħadd żamm in-nifs biex jara jew jipprova jifhem x’kien ġara.

“Żgur waqqgħulna s-swar kollha f’salt!” bkiet mara mikula mill-biża’ għall-ulieda u għal żewġha li kien fuq is-swar jiddefendi l-belt.

“Ommna Marija, Verġni Marija, daħlulna, daħlulna!” werżqet oħra.

“Żgur splodiet xi ħażna oħra porvli minn tagħna,” qal raġel f’sodda qrib tiegħi, u kompla, “nafdaw f’Alla li ma weġġa’ ħadd din id-darba.”

“Dik arma ġdida tal-għadu, għidtilkom jien li għandhom l-għajnuna tas-sħaħar.”

“Terrimot żgur. L-ebda arma ma tagħmel dak il-ħoss. Terremot.”

“Mulej Alla, Ommna Marija. Terremot jonqosna issa.”

Ħafna mill-krib u qrid kien intesa hekk kif kulħadd tkellem fuq xulxin, it-tifsiriet ħerġin minn mitt-ħalq f’salt, waħda iktar qalila mill-oħra. Fil-waqt, instema’ agħa kbir ġej minn barra, minn taħt it-twieqi, ilħna u għajjat, mhux ta’ nies li tilfu, iżda ta’ nies b’kuraġġ, b’ħeġġa li dak il-ħin qanqlitni, daħlet fija u mlietni bis-saħħa.

Qomt mis-sodda bla ma tajt iżjed kas tal-uġigħ fi driegħi jew tar-roqgħa demm li kibret u nfirxet taħt abti. Ħafi, nofsni għarwien ħlief għal qalziet imqatta’ u kollu tbajja ta’ demm niexef li kont liebes, imxejt ‘l barra lejn fejn kienu sejrin nies oħrajn. L-ewwel ftit passi kienu iebsin, batuti, iżda mat-tielet, ir-raba’, il-ħames pass, bdejt nieħu s-saħħa, u sakemm wasalt sal-bibien ta’ barra tas-sala, kont miexi normali.

Fit-toroq tal-belt kien hemm folol kbar, kollha mexjin flimkien, qishom mewġa kbira f’baħar imqalleb, suldati lebsin elmi mimlijin daqqiet, kavallieri bl-armatura tleqq taħt xemx tiżreġ, nisa u tfal Maltin, irġiel żaqqhom barra. Kollha kienu qed jgħaġġlu lejn is-swar, il-Maltin jgħajjtu, “Malta, Malta!” u minn fejn kont, ftit fil-għoli fuq it-tarġiet tal-isptar, rajt jgħaġġel quddiemhom kavallier twil, dritt, l-armatura tiegħu mera, x-xabla mgħollija f’idu għal-lest, miexi qisu jrid iqatta’ lill-ewwel għadu li jitfaċċa quddiemu. Madwaru donnu l-folla kienet tinferaq u tinġibed lura, biex tħallilu l-post għalih.

Fid-daqqa u l-ħin spiċċajt ġo qalb il-ġgajta, u mingħajr ma naf kif, b’lanza itwal minni f’idi, u smajt in-nies madwari jgħidu x’se jagħmlulhom lil dawn it-Torok li kienu ġew u daħlulhom fil-belt tagħhom. Wasalna sas-swar, fejn il-ġlied kien diġà beda. It-Torok kienu splodew bomba ‘l isfel, taħt is-swar, ġol -pedamenti, u kien irnexxielhom jiftħu xaqq kbir biżżejjed biex jattakkaw minnu b’qilla.

Il-vantaġġ tas-suldati u l-kavallieri li dak il-ħin kienu qed jiddefendu s-swar kien biss li kienu fil-għoli waqt li t-Torok riedu jitilgħu jattakkaw mill-baxx. Madankollu, l-attakk Tork kien diffiċli biex wieħed iwaqqfu, għax kienu feroċi, bla biża’ mill-mewt u imqanqlin mill-ħsara li kien irnexxielhom jagħmlu fis-swar ħoxnin tal-misħutin kavallieri. Lanqas meta sabu ma’ wiċċhom l-ixkubetti jobżqu n-nierien lejhom u jqabbdulhom l-ilbies merħi tagħhom ma tgerrxu. Mewġa wara mewġa wara mewġa t-Torok telgħu mit-toqba għal ġewwa l-belt.

Sakemm wasal La Vallette. U b’għajta ħarxa ntefa’ għal ġo nofshom b’qilla ta’ ljun. Ix-xafra tax-xabla twila li kien qed iħaddan dlonk ħmaret b’demm l-għedewwa li waqgħu qishom dubbien madwaru u madwar is-suldati u l-Maltin li meta raw lil Granmastru jissielet magħhom, inħakmu minn qilla kbira.

Jien dħalt bħal sħabi, u bil-lanza f’idi niggiżt u tajt u mbuttajt, l-ponta tal-lanza qattret id-dmija tal-għadu Tork u niffdet il-laħam.

Smajt għajta minn warajja. Il-Granmastru kien intlaqat. Aktar ifferoċjajna kontriehom. Id-demm telgħali għal rasi. Il-ħruq f’ġenbi, l-uġigħ fi driegħi, l-istorbju, l-għajjat; ma baqa’ jaffettwani xejn. Intlift f’dgħadigħa. Jien, il-lanza u l-għadu li jmiss. Dawk konna. Issa m’avvanzajniex aktar. Konna erġajna niżżilna lill-għadu ‘l isfel mit-toqba minn fejn kienu telgħu, u għal ħin twil weħilna hemm, xwabel u lanez kontra ximitarri.

Tork liebes l-abjad minn rasu sa saqajh tela’ jwerżaq u jgħajjat qisu miġnun quddiemi, miexi fuq l-iġsma ta’ sħabu mejta qisu xejn mhu xejn, u xejjirli daqqa ta’ ximitarra fl-għoli ta’ koxxti. Iżda kien għadu ‘l bogħod wisq u ma laqatnix. Leħnu qawwi, għadu għaddej f’twerżieqa akuta li tkessaħlek demmek. Deffist il-lanza ‘l isfel għal ġo żaqqu forsi nsikket dak l-għajjat, u nifdet minn ġo ħwejġu għal ġol-irtubija ta’ żaqqu qisha dieħla fil-butir. Siket. Għal waqt wieħed għajnejh imberrqin bl-uġigħ ħarsu f’tiegħi, imbagħad waqa’ lura, u hekk kif għeleb għal fuq dahru, ħassejtni ninġibed ‘il quddiem, hekk kif il-lanza tiegħi baqgħet imwaħħla fih. Stajt nitlaqha. Stajt, imma ma rnexxilix. Dik il-lanza kienet saret parti minni, estensjoni t’idi, u ridtha, ridt niġbidha lura biex tibqa għandi u ninfilzaha fit-Tork li jmiss.

Bqajt negħleb ‘il quddiem, ‘l isfel, għajnejja f’għajnejn it-Tork li kien baqa’ jżomm ix-ximitarra tiegħu f’idu x-xellugija.

U t-Tork ħabat mal-art u jien ħadt skoss ‘il quddiem, u x-ximitarra nifditni u ħarġet ħamra u tleqq minn ġo dahri.

Advertisements

Leave a Reply

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s