Stejjer qosra 03: Iż-Żewġ Allat Qosra

Fi bloggata li għamilt xi żmien ilu, kont tkellimt fuq l-importanza li għandu l-proċess tal-editjar. Spiss jiġri li l-editur jiġCoverfrontsittahwabidlek l-attenzjoni lejn partijiet minn manuskritt li għandhom bżonn jitneħħew jew jinbidlu. Mhux faċli taqta’ barra affarijiet li tkun ktibt, u sakemm tasal tieħu dik id-deċiżjoni ġieli tbati bil-kbir – ħalliha li wara tgħid li mnalla smajt mill-editur.

L-istorja li qed intella’ llum kienet silta f’wieħed mill-kapitli tal-bidu tal-ktieb tiegħi Is-Sitt Aħwa. L-editur irrimarkali li peress li bħala silta mhi żżid xejn mal-istorja propja, din qiegħda ttellef lill-qarrej billi tnaqqas ir-ritmu u billi taljena lil dak li jkun. Qbilt ma dan is-suġġeriment, u neħħejt din is-silta mill-ktieb:

Iż-Żewġ Allat Qosra

Rakkont ta’ Abram l-Elfju u Xandru l-Ġajs (Xena mħassra minn ‘Is-Sitt Aħwa‘, 2012)

Kien baqa’ għaxart’ijiem għat-tluq tagħhom lejn Siì, għal-lejl tal-ewwel qamar. Xon, Marku u Riku sabu kif iqattgħu iż-żmien ta’ stennija. Matul il-jum, kienu jintefgħu jduru minn raħal għal raħal, daqqa jmiddu jdejhom għal xi biċċa xogħol u jgħinu lil sħabhom il-Muùrjani, daqqa joħorġu jistadu bid-dgħajsa, xi minn daqqiet jitilqu f’mixjiet twal madwar il-gżira qalb il-widien jew inkella f’xi rdum. L-iljieli kienu jkunu dejjem mimlija rakkonti ta’ xi ġrajja jew oħra li ġarrbu Noah u n-nies tiegħu mal-mgħodija tas-snin.

L-aktar storja li laqtithom lit-tlieta li huma kienet dik li rrakkontawlhom Xandru u Abram dwar żjara tagħhom fid-dinja li minnha ġew it-tliet żgħażagħ, dik li l-Muùrjani kienu jsejħu Teèr. Kien lejl sabiħ, ftit frisk, u s-sħana tan-nar u t-tifqiegħa tal-ħatab jaqbad ikkumplimentaw leħen iż-żewġ Muùrjani huma u jaqsmu magħhom dik l-esperjenza. Minn biswit dik il-ħuġġieġa fuq ir-riħ tal-Għar il-Kbir, Xandru u Abram ħadu lil Xon, Marku u Riku lura fiż-żmien, għal waħda mill-ewwel mawriet tagħhom f’dinja oħra, fi żmien meta l-Muùrjani kienu skoprew il-Bieb ta’ Ħaġar Qim. Kien Xandru li beda jirrakkonta dik il-ġrajja.

QimDarba fost l-oħrajn, hu u sieħbu Abram kienu użaw il-Bieb ta’ bejn id-Dinjiet u qasmu lejn Teèr. Il-Maltin li kienu sabu hemmhekk dik il-ħabta kienu xort’oħra minn Xon u sħabu. Dak iż-żmien kienu ftit ħafna in-nies li kienu jgħixu fuq il-gżira; mhux żgur jaqbżu l-erbat elef ruħ fil-għadd. Skont ma qalilhom Abram, dawk in-nies kienu baħħara Feniċi li qasmu l-baħar u bdew jgħixu fil-gżejjer Maltin. L-għixien tagħhom kien ibbażat l-aktar fuq is-sajd u ftit fuq il-biedja wkoll. Kienu jaduraw ix-xemx u l-kwiekeb u jħarsu lejn is-smewwiet bħala l-imramma tal-allat tagħhom. Lil dawn l-allat, kienu jagħtuhom qima fl-imqades li kienu sabu mal-wasla tagħhom. Kienu bnew l-irħula ċkejkna tagħhom madwar l-imqades infushom, kważi bl-istess mod kif kienu għamlu n-nies tax-Xiħ f’Qim. Wara kollox, hemmhekk kien hemm għejjun t’ilma ġieri li kienu jużaw għall-għajxien tagħhom. Kienu tħajru wkoll jibnu imqades oħra fuq l-istess sura ta’ dawk li sabu. L-ilsien li kienu jitkellmu bih kien Malti eqdem miż-żmien, li iżda kien jinfthiem, u ż-żewġ Muùrjani setgħu jitdħattu magħhom.

Meta Xandru u Abram spiċċaw f’nofshom bi żball, (bħala regola, kienu joqogħdu lura milli jkellmu jew jitħalltu ma’ ġnus fuq id-dinjiet l-oħra) kienu ħolqu agħa kbir fost dawn in-nies. Il-Feniċi stħajluhom l-allat tagħhom li marru fosthom biex jagħmlu ħaqq minn għemilhom; u dan l-istħajjil issaħħaħ aktar u aktar meta l-għada li waslu Xandru u Abram għamel dulluvju xita li għerreq kull m’hemm.

Għall-ewwel kollox kien jidher sew. Daru bihom daqs li kieku kienu l-aqwa slaten, temgħuhom u sqewhom mill-aħjar ikel u xorb li kellhom, saħansitra offrewlhom rigali ta’ bċejjeċ li kienu jaħdmu huma.

Imbagħad, meta l-jiem bdew igerrbu, u Xandru u Abram kienu qed jistennew b’ħerqa il-lejl li fih il-qamar kellu jerġa’ jkun tajjeb biex jaqsmu lura lejn Qim, bdew jintebħu li dawn in-nies kienu qed iħejju xi ħaġa għalihom.

Għall-ewwel la Xandru u lanqas Abram ma fehmu x’kien qed jinħema. Ħasbu li kienet se tkun xi sorpriża sabiħa. Sakemm darba fost l-oħrajn, Xandru inzerta diskursata bejn xi ħamsa min-nies imlaħħqin fost dawn il-Maltin tal-qedem. Kienu qed jiddiskutu kif u fejn l-aħjar li ‘jqegħduhom la darba jkunu lestew it-taħlita tal-istatwi’. Bil-ħsieb li jirnexxielu jitkixxef din il-biċċa x’kienet, Xandru baqa’ jissemma. U tassew baqa’ mbellah meta fehem! Kienu qed jiddiskutu l-mod li bih kienu se jagħmlu lilu u lil sieħbu fi statwi ħajjin! Meta mar jgħid lil Abram dak tgħidx kemm daħak bih. Qallu li kien fehem ħażin, li kien qed iħalli l-imaġinazzjoni tiġri bih.

“Naf xi smajt Abram,” tennielu Xandru, “u għalkemm tinstema’ xi ħaġa stramba, naf żgur li kienu ked jitħaddtu bl-akbar serjetà.”

Abram kien baqa’ jieħu kollox biż-żufjett, sakemm jum fost l-oħrajn, ftit wara li sebaħ, ġew għalihom ċorma nies u ħaduhom lejn il-maqdes tal-Imnajdra.

Hemmhekk, biswit il-maqdes, kienu ħaffru żewġ ħofriet kbar biżżejjed li joqgħod bniedem mimdud f’kull waħda. Dawn imlewhom b’taħlita ta’ tafal ħamrani. Kienu se jippruvaw jidfnuhom ħajjin.

Xandru daħak bosta hu u jirrakkonta, u Abram mhux anqas minnu, iżda qalilhom kif dak il-ħin kien xaqq l-għaraq għalih u mtela bil-biża’. Abram qalilhom li kif kien sab ruħu quddiem dawk il-banjijiet bit-tafal u fehem x’riedu jagħmlulhom, ma kiex jaf x’se jaqbad jagħmel. Kienu wisq dawk in-nies imdawrin magħhom biex jeħduha magħhom u jgħaddu minn ġo nofshom kif ġieb u laħaq.

Iżda Xandru ġieh ħsieb. Dar lejn in-nies miġbura warajhom u tefa’ ħarstu lejn dak li l-Feniċi kienu jqisu bħala l-mexxej tagħhom. Dan kien biss erba’ passi ’l bogħod minnu u kien wieħed mill-ftit li Xandru seta’ jkellem waqt li jħarislu f’għajnejh, għax kważi n-nies kollha fuq din il-gżira kienu itwal bil-bosta mill-Muùrjani. Isem dan il-mexxej kien Muùl, u Xandru beda jkellmu b’leħen għoli biex jisimgħu kulħadd.

“Intom inġbartu hawn illum biex tagħmlu sagrifiċċju bina, aħna li minnkom mekjusa l-allat tagħkom, u ta’ dan aħna nroddulkom ħajr. Iżda ħadd minkom m’għandu d-dehen li jara b’għajnejh wakt li aħna nsiru ħaġa waħda mal-art tagħkom. Għalhekk inżlu għarkupptejkom, wiċċkom fl-art! Inżlu u itolbu biex ruħkom tissaffa u biex xi darba terġgħu tkunu xierka li tħarsu f’wiċċ dawk li ġew mill-bogħod għall-fidwa tagħkom!”

Waqt li kien qed jirrakkonta dan kollu, għajnejn Xandru mtlew bid-dmugħ u nfaqa’ jidħak kemm jiflaħ. “Tridu taraw wiċċhom!” issokkta jgħidilhom. “Imma isbaħ u akwa, riddtu taraw wiċċ Abram l-Elfju!” u Xandru reġa’ beda jfaqqa’ d-daħk.

Abram li kien bilqiegħda maġenbu kien qiegħed jidħak ukoll, dik id-daħka donnha xi ragħada qawwija u twila li ċċaqlaq l-għeruq u s-sisien. “Dak il-ħin ma nafx x’għadda minn moħħi, iżda niftakar li tant tkellem bis-serjeta’ li emmintu jien ukoll u kien għoddni nżilt għarkupptejja magħhom!”

“U huma x’għamlu? Niżlu għarkupptejhom?” staqsieh kurjuż Marku.

Xandru ssokkta, “U kif! Kollha kemm huma niżlu, kishom bniedem wieħed kuddiemna, ikimuna rashom ġot-trab. Kif rajniehom hekk jien u Abram ħrabna nkiss inkiss ’l isfel bla m’għamilna ħoss, għall-ewwel bil-mod, imbagħad għaġġilna u rnexxielna nisparixxu mingħajr ħadd minnhom ma ntebaħ. Naħseb mingħalihom li tlajna lura kalb il-kwiekeb imnejn ġejna. Bkajna mistoħbijin għal xi ħamest ijiem sħaħ, jew aktar Abram? Imbagħad għaddejna lura lejn Qim fis-satra tal-lejl tat-tielet qamar…”

Advertisements

2 thoughts on “Stejjer qosra 03: Iż-Żewġ Allat Qosra

Leave a Reply

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s