9 proġetti ta’ kitba

dandelion-463928_1920Bħal żiffa riħ, għaddiet nofs sena oħra – sitt xhur li fihom kelli ħafna proġetti ta’ kitba għaddejjin. F’din il-bloggata se naqsam magħkom ftit aħbarijiet dwar dawn il-proġetti . . .

  1. Fl-aħħar ta’ Jannar ta’ din is-sena, Irvin Vella ddebbutta fix-xena lokali bl-ewwel każ tiegħu. Kuntent ħafna mill-mod kif dan l-ewwel ktieb tiegħi għat-tfal intlaqa’ mill-qarrejja żgħar (u anki minn dawk mhux daqstant żgħar).
  2. Matul l-ewwel xhur tas-sena żort għadd ta’ skejjel fejn tkellimt mal-istudenti u introduċejthom mal-Investigatur Virtwali. Lil dawn l-istudenti tarraftilhom xi ħaġa dwar it-tieni ktieb ta’ Irvin Vella, manuskritt li lestejt fi Frar 2015, b’każ ġdid għall-investigatur żagħżugħ fejn se narawh jipprova jsolvi għadd ta’ serqiet kemmxejn strambi. Il-ktieb bħalissa jinsab fi stat avvanzat t’editjar, għalkemm għad m’għandix data għal pubblikazzjoni tiegħu.
  3. F’Marzu bdejt nirrevedi Jien, Wieħed Minnhom – il-ktieb li jikkonkludi l-istorja ta’ Steve Ebejer li bdiet fil-ktieb Fil-Mergħat tal-Impossibbli (2013). Iż-żewġ kotba flimkien jiffurmaw id-duoloġija Unus Mundus u huma immirati għal udjenza matura. Ix-xogħol ta’ reviżjoni u editjar kien iebes u ħa ż-żmien, iżda fl-aħħar tlesta, u issa l-manuskritt qiegħed jiġi ppreparat għall-pubblikazzjoni li mistennija tkun aktar tard din is-sena.
  4. Matul April u Mejju ħadt sehem fil-proġett filantropiku Mit-Tfal għat-Tfal b’Qawsallet il-Kliem fejn ħdimt ma’ grupp ta’ studenti tal-Kulleġġ Santa Klara f’Pembroke. L-iskop tal proġett ta’ kitba kreattiva kien li jinkitbu għadd ta’ stejjer qosra mill-istudenti u jiġu ppubblikati fi ktieb li se jkun imniedi f’Novembru li ġej. Kien xogħol li tani sodisfazzjon kbir u kuntent ħafna bl-istejjer li ħarġu bihom l-istudenti li ħdimt magħhom. Issa ħerqan li nara l-kitbiet tagħhom mitbugħa . . .
  5. Matul ix-xahar ta’ Ġunju għamilt xogħol ta’ editjar fuq ktieb fil-ġeneru tal-fantaxjenza bil-Malti, miktub mill-ħabib tiegħi Mark-Anthony Fenech. Il-ktieb, li jġib l-isem ta’ It-Tawmaturgu, huwa vjaġġ letterarju u interstellari, miktub b’mod oriġinali ħafna, b’ideat friski u innovattivi għal-letteratura Maltija. Dan kien l-ewwel xogħol t’editjar ta’ ktieb sħiħ għalija, u apparti s-sodisfazzjon li ħadt, inħoss li tgħallimt ħafna wkoll. Nittama li dan il-ktieb ma jdumx ma jidher fuq l-ixkafef tal-ħwienet tal-kotba.
  6. Fil-preżent, għaddej naħdem fuq ktieb ieħor t’Irvin Vella – it-tielet każ li fih Irvin, Luca u Laura se jsibu ruħhom jaħdmu id f’id ma’ klijenta biex jikxfu l-misteri u s-sigrieti ta’ persuna li nstabet mejta f’Għawdex.
  7. Għas-sitt xhur li ġejjin il-proġetti mhux se jonqsu lanqas. Ftit ġimgħat ilu ġejt mgħarraf li storja qasira tiegħi, bl-isem ta’ Bint l-Irjieħ ġiet magħżula mill-Għaqda tal-Malti biex tkun pubblikata fil-ħarġa ta’ li jmiss ta’ Leħen il-Malti (ħarġa 34). L-akbar sodisfazzjon li għandi dwar din l-istorja qasira ġej mill-fatt li l-ġeneru tal-fantażija, ġeneru mhux daqstant popolari mal-qarrejja, sab rikonoxximent u se jkun qed jingħata l-istess spazju daqs ta’ ġeneri oħrajn.
  8. Bint l-Irjieħ għandha sinnifikat partikulari għalija, għax hija ġrajja minn dinja ġdida li ħloqt ftit taż-żmien ilu u li fiha se sseħħ il-ġrajja ta’ Il-Prinċep ta’ Żir, triloġija ġdida li ilni xi żmien naħdem fuqha. Dan huwa proġett ambizzjuż li beħsiebni nagħtih l-attenzjoni kollha tiegħi s-sena d-dieħla.
  9. Fl-aħħar t’Awwissu se nkun qed nipparteċipa fl-għaxar edizzjoni tal-Festival Mediterranju tal-Lettaratura imtella’ minn Inizjamed. Għal din l-attività ġejt mitlub nissottometti xi siltiet minn tiegħi biex jiġu tradotti b’lingwi oħrajn. Għażilt silta minn L-Aħħar Ħolma, oħra minn Fil-Mergħat tal-Impossibbli (it-tnejn bit-tema ta’ ħolm imma minn perspettivi differenti) kif ukoll storja qasira jisimha Karozza bħal Tagħha, li kienet ġiet ippubblikata fil-pubblikazzjoni tal-Għaqda tal-Malti, Leħen il-Malti (ħarġa 33).
    Ninsab ċert li s-sitt xhur li ġejjin se jtiru bl-istess ħeffa bħal ta’ qabilhom . . . fuq żiffa riħ friska mimlija kliem u ħrejjef ġodda, uħud miktubin u oħrajn imlissnin . . .
Advertisements

Leave a Reply

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s