01 It-Tielet Qamar u ġrajjiet oħra . . .

Spine Cover Artwork v4

L-ewwel parti minn serje ta’ bloggati dwar it-triloġija Il-Logħba tal-Allat, dwar l-ideat, il-proċessi u t-triq li wasslithom fuq l-ixkafef tal-ħwienet . . .

F’Ġunju tal-2008 ippubblikajt l-ewwel ktieb tiegħi, It-Tielet Qamar. Mhuwiex l-ewwel ktieb li ktibt, iżda l-ewwel wieħed li emmint li kellu potenzjal biżżejjed biex isib postu fil-libreriji, fil-ħwienet u f’idejn il-qarrejja. It-tnedija tal-ktieb saret fl-10 ta’ Ġunju 2008, ir-Rabat. Iżda qabel wasalt għal dak il-jum, kont għamilt ħafna xogħol . . .

L-idea oriġinali, dik il-leħħa ta’ berqa li żergħet żerriegħa ċkejkna ġo moħħi, ħarġet minn koċċ taħżiż waqt waħda mil-lezzjonijiet tal-kors tal-IT li kont qed nagħmel bejn l-2001 u l-2004. Wara 3 sigħat lezzjoni, speċjalment wara xi ġurnata xogħol iebsa, kien faċli nsib l-aptit li naħrab – imqar fil-ħsieb – f’xi waħda mir-realtajiet li eventwalment saru s-sitt dinjiet differenti tat-triloġija.

Għadni niftakar ċar l-ewwel idea konkreta tal-plot li kont ktibt fil-marġin ta’ fuq ta’ paġna mill-ktieb li kelli miftuħ quddiemi waqt il-lezzjoni – taħżiża li għadha għandi merfugħa. Kien paragrafu ta’ anqas minn mitejn kelma, li fih, żagħżugħ minn żmienna isib ruħu f’tarf ta’ rdum, iħares lejn ix-xwieni Torok ġejjin jibdew l-attakk fl-assedju tal-1565. Dawk minnkom li qraw it-triloġija, jafu li din ix-xena hija it-tmiem tal-aħħar ktieb tat-triloġija, Is-Sitt Aħwa.

Ma żviluppajtx mill-ewwel dik l-idea. Minflok bdejt nesplora u nilgħab b’ideat oħra ta’ dinjiet li setgħu b’xi mod evolvew differenti minn tagħna. Ir-riċerka kienet parti interessanti ħafna mill-proġett, speċjalment fejn jidħlu tempji, bħal Ħaġar Qim u l-Imnajdra, fejn mort ma nafx kemm-il darba biex nixrob l-atmosfera tal-post, u l-mixjiet twal li għamilt biex inkun nista’ nikteb aħjar ix-xeni li jinvolvu mixi madwar il-gżejjer. Kien hemm ideat li warrabt, oħrajn li daħlu b’xi mod jew ieħor fl-istorja.

Sadanittant, f’Jannar tal-2007, twieled Luke, l-ewwel tifel tagħna. Naħseb li dak il-waqt kien essenzjali għalija bħala kittieb – esperjenza li bidlitni mil-lejl għan-nhar u tatni enerġija kreattiva kbira ħafna, tant li fejn qabel kont qed nikteb bil-mod ħafna, issa bdejt għaddej bla waqfien. Il-plot sħiħ tat-Tielet Qamar ma kienx ċar ġo moħħi mill-ewwel. Ma kellix wisq esperjenza kif nibni plot, kif ngħaqqad storja u ninsiġha fi ktieb. Kelli nirriċerka ħafna metodi differenti; esperimentajt, qrajt materjal biex nitgħallem. Tkellimt m’awturi stabiliti li għenuni ħafna biex nasal fejn xtaqt.

L-ewwel nofs tal-istorja ktibtu fi ftit xhur. Iżda mbagħad niftakar li kont weħilt ftit u erġajt bdejt nesplora l-ideat tal-bidu biex nara kif l-aħjar li nkompli l-ġrajja ta’ Xon, Marku and Riku (il-karattri prinċipali) biex jirnexxieli neħodhom madwar id-dinjiet kollha li kont ħloqt. Kien hawnhekk li bdejt niżviluppa aktar il-backstory tan-nies ta’ Qim – il-materjal li finalment kien se jispiċċa biex joħroġ bħala t-tieni ktieb tat-triloġija, ċioè, L-Aħħar Ħolma (ngħidilkom aktar fuq din fi bloggata oħra).Ta’ min ngħid, li l-idea li tkun triloġija kienet ġietni mill-ewwel, x’aktarx meta rajt li kelli plot tassew kbir, kif ukoll minħabba l-affinita tiegħi ma’ kotba fil-ġeneru tal-fantażija, fejn it-tendenza hija li wieħed ikollu storja mifruxa fuq għadd ta’ kotba, b’enfażi fuq l-iżvilupp tal-karattri.

B’kollox, It-Tielet Qamar ħadli 6 xhur riċerka, 12-il xahar ta’ kitba, u 6 xhur editjar biex ikun lest għall-pubblikazzjoni. Kif għidt, esperjenza ma kellix, u kont għażilt li dan l-ewwel ktieb tiegħi nippubblikah jien, minn buti. Ir-raġunijiet li wassluni għal din l-għażla se nikteb dwarhom fil-bloggata li jmiss . . .

Advertisements

2 thoughts on “01 It-Tielet Qamar u ġrajjiet oħra . . .

Leave a Reply

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s