Mill-Belt għal Gaborone

10515232_10205771047293650_5336308785150920020_oKultant l-aħjar mod biex tiskopri ktieb huwa meta xi ħadd jissuġġerihulek. Fil-ġimgħat li għaddew qrajt ktieb mis-serje ta’ The No. 1 Ladies Detective Agency, miktub minn Alexander McCall Smith – ktieb li ssuġġerietli naqra Claire Bonello. Iltqajna b’kumbinazzjoni f’kafetterija l-Belt. Qaltli li kienet għadha kemm lestiet taqra Il-Każ Manduca, l-ewwel ktieb ta’ Irvin Vella, u li l-istorja tiegħi fakkritha ħafna fil-kotba ta’ Smith. Sa dak il-ħin kien għadni qatt ma smajt b’dan l-awtur iżda dan ix-xebh intrigani. Ħadt is-suġġeriment tagħha li naqra xi stroja minn tiegħu – mhux talli hekk, talli għaddhietli żewġ kotba hi stess.

Il-ktieb li qrajt kien jismu The Saturday Big Tent Wedding Party – it-tnax il-ktieb tas-sensiela. L-ewwel paragrafu ġibidni mill-ewwel bil-ġmiel tiegħu. Bidu tajjeb importanti ħafna, bħal l-ewwel impressjoni meta tiltaqa’ ma’ bniedem l-ewwel darba. Il-bqija tal-ktieb ma ddeludiex – il-kitba mirquma, għalkemm kollox sempliċi, l-istorja tiżvolġi b’ritmu kajman, però l-ħin kollu hemm xi ħaġa għaddejja. Mumenti fejn titbissem, imħalltin m’oħrajn melankoliċi, f’doża bilanċjata ħafna. Kultant xi kumment fuq l-użanzi tal-bniedem li jħallik tirrifletti ftit. U r-riflessjonijiet li għamilt jien kienu li qiegħed fejn qiegħed fid-dinja tinduna li l-bnedmin kullimkien l-istess, u li d-difetti u l-inġustizzji ssibhom f’kull soċjetà.

L-aktar element li laqatni kien is-setting tal-istorja – deskrizzjoni tal-Botswana tant ikkulurita, tant ħajja, li tħossok litteralment qed tgħix hemm. Il-karattri huma ttundjati tajjeb ħafna – u din tista’ tfisser aktar minn ħaġa waħda – għax il-karattru ewlieni, l-investigatriċi privata Precious  Ramotswe, hija mara ‘traditionally built’, b’enfażi fuq il-fatt li hi kuntenta b’suritha, u b’sens t’umoriżmu sottili dwar dan – bħal meta tirrifletti dwar il-van l-antik li tant tħobb u li kellu tendenza jiġbed lejn ġenb minħabba l-piż tagħha. Is-sens t’umoriżmu nfatti jispunta f’ħafna okkażjonijiet matul il-ġrajja, kemm mill-kummenti introspettivi ta’ Mma. Ramotswe dwar ktieb ta’ awtur Amerikan li jipprovdilha l-linji gwida biex ittejjeb il-ħiliet investigattivi tagħha, u kemm minn karattri oħrajn u l-kummenti tagħhom.

L-istorja fiha nfisha titratta każ ewlieni u 3 sub-plots. Fil-każ ewlieni, ex-ħaddiem taż-żejt li xtara razzett tal-baqar ftit ’il barra mill-belt ta’ Gaborone jibda jsib xi bhejjem minn tiegħu mejta u jqabbad lill-investigatriċi tipprova ssolvi l-misteru. Dan il-każ jingħata l-biċċa l-kbira tal-attenzjoni. It-tliet sub-plots huma differenti minn xulxin – fl-ewwel wieħed Mma Ramotswe toħlom dwar il-vann l-antik tagħha, u tagħmel minn kollox biex issib għand min qiegħed biex terġa’ tipprova tixtrih lura. It-tieni sub-plot huwa dwar Charlie, lavrant li jaħdem bħala mekkanik fil-garaxx tar-raġel ta’ Mma Ramotswe. Dan ikollu problemi wara li jsiru magħruf li ex-tfajla tiegħu welldet tewmin li qed tgħid li huma minn tiegħu.  Fit-tielet sub-plot, l-assistenta ta’ Precious Ramotswe, Mma. Makutsi, se tiżżewweġ lil Phuti Radiphuti u hemm stennija kbira għal dan it-tieġ.

Ktieb li għoġobni immens u ħallieni b’togħma tajba għal diversi jiem. Minbarra hekk, stajt nara u nħoss il-paralleliżmu li ħasset Claire mal-karattru u l-istorja t’Irvin Vella.

Advertisements

Leave a Reply

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s