04 Aktar dwar L-Aħħar Ħolma . . .

Image0078
Il-vetrina tal-ħanut ta’ Merlin fi Blata il-Bajda fi żmien li l-ktieb ħareġ għall-bejgħ

Ir-raba’ parti minn serje ta’ bloggati dwar it-triloġija Il-Logħba tal-Allat, dwar l-ideat, il-proċessi u t-triq li wasslithom fuq l-ixkafef tal-ħwienet . . .

Fit-tielet bloggata ta’ din is-serje ktibt dwar kif bnejt l-istorja li finalment ippubblikajt bħala L-Aħħar Ħolma, it-2 ktieb tat-triloġija il-Logħba tal-Allat. F’din il-bloggata se niddeskrivi kif bdiet l-era Merlin Publishers, dwar il-Premju Nazzjonali tal-Ktieb u xi ħaġa dwar it-tnedija.

Il-proċess ta’ kitba din id-darba ħadli ħafna inqas, għax kif spjegajt fil-bloggata ta’ qabel din, il-biċċa l-kbira tal-materjal kien miktub u l-affarijiet li żidt kienu pjuttost żgħar. Għaddejt il-manuskritt lill-istess nies li kienu għenuni fl-ewwel ktieb, u għal darb’oħra, bis-saħħa tagħhom, tejjibt u rfinajt il-manuskritt kemm stajt. Din id-darba iżda, għażilt li nersaq għand pubblikatur minflok li nippubblika jien. L-immaniġjar ta’ ktieb li ppubblikajt jien stess kien qed jeħodli wisq ħin – ħin li stajt nuża biex nikteb aktar. Minbarra l-fatt ukoll li flusi kien għadni ma ġbarthomx, u ma stajtx nerġa’ mmur nissellef.

Merlin kienu l-aktar pubblikaturi li interessawni – mhux għax oħrajn mhumiex tajbin, iżda Merlin għandhom dik ix-xi ħaġa aktar li biha jispikkaw. Pereżempju, il-house style tagħhom kien jiġbidni ħafna, u kienu diġà qed jippubblikaw kotba oħra fil-ġeneru tal-fantiżija (qed nirreferi għat-triloġija tal-Fiddien ta’ Simon Bartolo u Loranne Vella b’mod speċjali) b’mod innovattiv għall-aħħar u li ħassejt jista’ japplika għall-kotba tiegħi ukoll.

F’Mejju tal-2009 għamilt kuntatt għall-ewwel darba ma’ Chris Gruppetta, u qbilna mill-ewwel. L-għajnuna li tani biex L-Aħħar Ħolma jagħmel qabża fil-kwalità kienet kbira. Fir-rwol tiegħu bħala editur ta’ xogħoli, għeni ntejjeb l-istorja, kif ukoll ħa ħsieb

DSC_0363
Ma’ Chris Gruppetta, Direttur ta’ Merlin Publishers waqt l-għoti tal-Premju

iqabbad artist (Matthew Grima Connell) biex flimkien mad-direttur artistiku ta’ Merlin, Pierre Portelli, joħloq qoxra li mhux
biss tiġbed l-għajn iżda li tikkumplimenta l-istorja. Naħseb li xhieda ta’ din il-qabża fil-kwalità kien il-fatt li b’L-Aħħar Ħolma ġejt mgħoti l-ewwel premju fil-kategorija tal-letteratura għal adoloxxenti tal-Premju Nazzjonali tal-Ktieb 2010. Iċ-ċerimonja nżammet f’Kastilja f’Novembru tal-2011. Din kienet esperjenza sabiħa wisq għalija – is-sodisfazzjon li ħassejt, fejn il-ktieb qed jiġi apprezzat ukoll mill-kritiċi kien uniku. Il-premju inatali mill-Ministru Dolores Cristina u wara ċ-ċerimonja kelli wkoll iċ-ċans niltaqa’ ma’ awturi oħrajn li ħadu sehem fil-kompetizzoni.

Invit - L-Aħħar Ħolma
L-invit għat-tnedija ddisinjat minn Pierre Portelli

It-tnedija ta’ L-Aħħar Ħolma saret għal darb’oħra, ġewwa l-Punch and Judy, ir-Rabat, f’Ġunju tal-2010, sentejn eżatt wara t-tnedija tal-ewwel ktieb. Anke din l-attività kienet waħda ta’ suċċess, fejn in-nies ħadu gost u pparteċipaw billi ġew mitluba jissuġerixxu diski li imbagħad indaqqew matul is-serata.

IMG_8688
Ir-replika tal-bieb ta’ bejn id-dinjiet

Bl-għajnuna tal-ħabib tiegħi Frankie, ħloqt replica tal-bieb ta’ Ħaġar Qim bil-kartapesta.Ġo fih daħħalt dawl u smoke machine, biex noħloq effett bħal ma hu deskritt fit-triloġija, fejn raġġ ta’ dawl bajdani jitla’ ‘l fuq lejn il-kwiekeb kull darba li xi ħadd jipprova juża l-bieb. Wara t-tnedija, il-bieb tajtu lill-Kulleġġ Missjunarju ta’ San Pawl biex jintuża bħala prop għall-palk mill-istudenti.


Trivia i: L-isem oriġinali tal-ktieb, dak li normalment insejħu l-working title, kien ‘Il-Qamar u l-Anġlu’ u baqa’ hekk sal-aħħar nett, sa ftit qabel ma bgħattu lil Merlin l-ewwel darba. Ir-raġuni ewlenija għaliex iddeċidejt li nibdel l-isem kien il-fatt li kien se jerġa’ jkun hemm il-kelma ‘Qamar’ fit-titlu, u dehrli li kienet tkun xi ħaġa li toħloq konfużjoni fost il-qarrejja.

Trivia ii: L-ismijiet taż-żewġt itfal li jidhru fil-prologu ta’ L-Aħħar Ħolma, Plata u Salud, huma tislima għal żewġ atturi li nħobb u nirrispetta ħafna, Bud Spencer u Terence Hill. Huma jużaw dawn l-ismijiet fl-aktar film tagħhom għal qalbi, ‘Più Forte Ragazzi’, storja ambjentata fil-Colombia.

Advertisements

Leave a Reply

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s