05 Darba kien hemm Sitt Aħwa li lagħbu logħba . . .

Il-ħames parti minn serje ta’ bloggati dwar it-triloġija Il-Logħba tal-Allat, dwar l-ideat, il-proċessi u t-triq li wasslithom fuq l-ixkafef tal-ħwienet . . .

287346_10151156016091047_1555708539_o

Eżatt kif lestejt l-ewwel abbozz ta’ L-Aħħar Ħolma, bdejt naħdem fuq Is-Sitt Aħwa – l-aħħar ktieb fit-triloġija Il-Logħba tal-Allat. Għamilt hekk għal żewġ raġunijiet:

  • Biex niżgura li jkun hemm kontinwità bejn it-tliet kotba billi noħloq ir-rabtiet neċessarji biex l-istorja tkompli bl-aktar mod magħqud
  • Peress li għat-2 u t-3 kotba tħajjart nitkellem ma’ Merlin Publishers minflok nippublikahom jien, dehrli li l-ideali jkun li mmur biż-żewġ manuskritti lesti.

Il-plot tat-tielet ktieb ma kienx sħiħ f’moħħi. Kif kellha tintemm il-ġrajja kont għadni ma nafx u għażilt li niskoprih ftit ftit. Bdejt inħażżeż l-ideat u nirriċerka fl-istess ħin. Fil-fatt, ir-riċerka kienet kbira, u nibqa’ ngħożża għal diversi raġunijiet – l-ikbar waħda fosthom, li ħafna minn din ir-riċerka għamiltha fil-kumpanija tal-akbar ħabib li qatt kelli, Roderick Montebello (li fit-triloġija ħa l-ħajja bħala Riku l-Landa). Sfortunatament, Roderick miet fl-2013, u għalhekk dawk it-tifkiriet tal-ħin li qattajna niġru ‘l hawn u ‘l hemm fil-mużewijiet, imqades u fil-widien (jew fuq xi mejda niddiskutu l-ideat tiegħi u l-ħolm tiegħu quddiem flixkun birra) jibqgħu għeżież ħafna għalija.

981860_10200898335118891_464989162_o
Il-Landa u l-Fieres fl-Imnajdra waqt ir-riċerka …

Pereżempju, il-ħolm li Riku l-Landa jibda jkollu fuq id-dinja ta’ Siì, huwa ħolm veru li kellu Roderick. Niftakar kien ċempilli darba minnhom filgħodu, qalli illejla ngħaddi għalik u mmorru sal-każin, u ġib karta u lapes miegħek. Meta ltqajna dakinhar, irrakkontali żewġ ħolmiet li kellu, dawk fejn isalva tfajla li fil-verità tkun prinċipessa. Kien jaf kemm jaffaxxinani l-ħolm.

Waħda mill-affarijiet li għamilt bħala riċerka kienet dawra ma’ Malta bil-baħar. Xtaqt niddeskrivi kif tidher il-gżira minn fuq il-baħar, u ridtha tkun qrib ir-realtà kemm jista’ jkun. Eventwalment, din id-dawra ma’ Malta ssarrfet f’aktar minn xena waħda, fosthom f’L-Aħħar Ħolma meta Salvu u sħabu ħarbu lejn Malta fuq il-mirkeb li serqu minn Anuba (il-gżira tan-Nuùrjani) u x-xena ta’ Xon u Marku ma’ Baàl (f’Is-Sitt Aħwa).

Kif għidt qabel, il-plot ta’ dan it-tielet ktieb għażilt li niskoprih jien u nikteb, metodu ta’ kitba kreattiva msejjaħ Gardener method, fejn wieħed jitfa’ ħafna ideat ċkejknin (bħal ma ġardinar ixerred iż-żerriegħa) u joqgħod jarahom jikbru. Kont konxju li għandi ħafna trufijiet miż-żewġ kotba ta’ qablu x’nagħlaq, u b’mod sistematiku, rajt li ma nħalli xejn barra. Bħala plotline kien l-aktar wieħed ikkumplikat. Partikolarment minħabba li daħħalt it-tema ta’ multiple timelines, fejn l-istess affarijiet jiġru aktar minn darba.

Waħda mill-problemi li kelli kienet dwar kif se nikteb l-istorja ta’ kif jinħeles Baàl mid-dinja fejn kien imsakkar. Ktibtha minn tal-inqas erba’ darbiet dik il-biċċa, biex nesplora ideat differenti. Idea minnhom pereżempju, kienet li Baàl juża l-poteri tiegħu li jaffettwa l-ħin biex imur lura għal mument fejn Xon, Marku u Riku kienu qegħdin il-Ġnejna, u meta jitfgħu d-dada fuq il-blat biex jagħżlu f’liema dinja se jmorru, Baàl jintervjeni b’mod li huma ma jindunawx u jbiddel in-numru li joħroġ.

L-editjar ta’ Is-Sitt Aħwa sar b’reqqa kbira. Bħala ktieb huwa l-akbar wieħed fit-triloġija, bi kważi 75,000 kelma (ħdejn 70,000 ta’ It-Tielet Qamar u 50,000 ta’ L-Aħħar Ħolma). U qabel l-editjar, kien fih 10,000 kelma aktar! Kien hemm diversi kapitli li eliminajthom għal kollox, oħrajn li qassarthom biex l-istorja tkun aktar mexxejja. Waħda mill-akbar bidliet li għamilt iżda, kien it-tmiem. L-ewwel tmiem li kont ktibt, ma kienx bħal dak li finalment ġie ppubblikat. It-tmiem oriġinali kien wieħed imnikket, fejn bih ridt inwassal l-messaġġ li b’dik l-azzjoni li għamlu Xon u Marku meta ħelsu lil Baàl biex jerġgħu iqajmu lil Riku u lil Petra mill-mewt, bidlu affarijiet oħrajn li affettwaw id-dinja fejn twieldu. F’dan it-tmiem alternattiv, Riku u Xon imorru lura Teèr biex jingħaqdu mal-għeżiez tagħhom iżda jsibu biss ħerba u nies maqtula minn gwerra kbira li ħakmet id-dinja kollha. Eventwalment, dan it-tmiem, li neħħejtu wara parir ta’ erba’ min-nies differenti, spiċċa bħala ħolma kerha ta’ Xon.

Minflok, għażilt li nikteb tmiem li ironikament, kien l-ewwel paragrafu li ktibt meta bdejt nippjana l-ewwel ktieb, fl-2003. Niftakar kont qiegħed waqt lezzjoni u biex ma norqodx (għax kien tard u kont għajjien) qbadt inħażżeż fuq il-ktieb li kelli quddiemi. U ktibt paragrafu, ta’ dan l-individwu li mingħajr ma jaf kif, miż-żmien tagħna jispiċċa l-Lippija, maġenb it-torri, iħares lejn l-iġfna Torok resqin lejn Malta biex jibdew l-Assedju l-Kbir.

Trivia I: Dan it-tielet volum tat-triloġija bidel ismu minn tal-anqas 5 darbiet. Biex wasalt għad-deċiżjoni dwar liema isem se nagħżel, għamilt ‘opinion poll’ bejn sħabi, u staqsejthom liema isem jippreferu minn ħamsa. ‘Is-Sitt Aħwa’ rebaħ b’mod unanimu. Ismijiet oħra li kien hemm fil-lista: ‘Is-Seba’ Sema’,‘Il-Qamar Filgħodu’, ‘Eklissi’

Trivia II: L-isem tal-alla l-ħażin Baàl jirrapreżenta alla li kien popolari fost ħafna popli tal-qedem. L-ismijiet tal-allat l-oħra huma kollha ivvintati.

Advertisements

2 thoughts on “05 Darba kien hemm Sitt Aħwa li lagħbu logħba . . .

Leave a Reply

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s