Ħriġt mid-dar kmieni, fi triqti lejn il-Mellieħa . . .

… biex nibda l-2016 bi proġett ta’ kitba organizzat mill-iskola primarja tal-Mellieħa. Is-sena l-oħra, il-ħabib tiegħi Mark Camilleri, li huwa assistent kap f’din l-iskola, staqsieni nitħajjarx naħdem ma’ grupp ta’ studenti biex ngħinhom joħolqu kitbiet oriġinali li eventwalment jiġu ppubblikati.

colorful-pen-1058166_1920

Aċċettajt mill-ewwel għax nemmen li huwa dmir tiegħi li naqsam l-esperjenza tiegħi fil-kitba ma’ tfal li se jkollhom opportunità bħal din li jaraw xogħol tagħhom ippubblikat f’età tant żgħira. Bħali, kien hemm ukoll Rita Saliba u Leanne Ellul, żewġt iħbieb u awturi mill-aqwa li wkoll aċċettaw l-istedina ta’ Mark. 

Xogħoli huwa li fi 3 sessjonijiet, niltaqa’ mal-istudenti ta’ 3 klassijiet tas-6 sena. Apparti li nagħtihom tgħarif dwar il-kitba u dwar x’inhu mistenni minnhom, irrid ukoll naħdem magħhom biex ix-xogħol ikun ta’ kwalità. Jekk wieħed iqis il-kitba bħala prodott, jagħmel sens li l-verżjoni li tasal għall-publikazzjoni tkun prodott tal-aħjar kwalità possibbli – b’hekk ikunu kuntenti kemm il-qarrejja kif ukoll il-kittieba ċkejknin li se jkunu ħadmu fuq dan il-proġett.

L-ewwel sessjoni kienet nhar it-Tnejn 11 ta’ Jannar. Fiha tajt tgħarif ġenerali dwar x’inhi storja, dwar l-elementi prinċipali li ssib f’kull rakkont u dwar sorsi ta’ ispirazzjoni. Wara din l-introduzzjoni, rajna 3 filmati qosra minn 3 films popolari mat-tfal. Għal dan il-proġett għażilt li naħdem b’filmati minflok sorsi oħra għall-ideat. Din l-għażla għamiltha għax minn riċerka li għamilt jidher li prompts ta’ kitba viżivi huma bil-wisq aktar t’għajnuna għall-istudenti milli minn media oħra.

Wara kull filmat kellna diskussjoni qasira dwar dak li rajna. Għidtilhom biex jagħmlu xogħol ta’ detectives, u janalizzaw dak li raw u semgħu, biex jagħmlu lista ta’ elementi u temi li fih kull filmat. Wara l-filmati, it-tfal inqasmu fi gruppi biex jaħdmu flimkien fuq il-kitbiet. L-idea hi li jitgħallmu jisimgħu l-ideat ta’ xulxin u jieħdu rwoli differenti fi grupp. Pereżempju, hemm għadd ta’ tfal li l-kontribut tagħhom mhux se tkun il-kitba, iżda illustrazzjoni tal-istorja li se tinkiteb.

Ir-reazzjoni tat-tfal kienet wisq tajba. Ħadt gost narahom involuti, jistaqsu, jitkellmu bejniethom. Malli nqasmu fi gruppi rajthom mill-ewwel jieħdu rwoli differenti li huma tant naturali għalihom. L-ideat bdew jisparaw minn kull angolu.

Mill-iskola tlaqt sodisfatt li qanqalt il-ħeġġa għall-kitba f’dawn il-kittieba tal-futur. Sadanittant, l-istudenti, flimkien mal-għalliema tagħhom li tant urew koperazzjoni, se jkomplu jaħdmu fuq l-ideat tagħhom sabiex fis-sessjoni li jmiss, dik ta’ Frar, nara l-ewwel drafts tax-xogħolijiet tagħhom u nagħtihom pariri kif itejbu l-prodott tagħhom.

Advertisements

One thought on “Ħriġt mid-dar kmieni, fi triqti lejn il-Mellieħa . . .

Leave a Reply

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s