Kotba għat-tfal bil-Malti

Is-sensiela ta’ kotba bil-Malti għat-tfal Irvin Vella, Investigatur Virtwali bdejt niktibha fl-2014. Intlaqgħet tajjeb kemm mill-qarrejja żgħar li jħobbu l-qari bil-Malti u wkoll mill-kritiċi tal-letteratura Maltija. Filfatt, l-ewwel żewġ kotba fis-sensiela ġew mogħtija l-Premju Terramaxka, li huwa l-Premju Nazzjonali tal-Ktieb għat-tfal ta’ bejn it-8 u t-12-il sena.

IMG_20161108_200225

Dawn l-istejjer nieħu gost ħafna niktibhom. U nieħu gost naqrahom ukoll. Waqt li nkun qed nikteb, ngħixhom daqslikieku qed iseħħu vera u naf li għad baqgħali ħafna x’nikteb dwar dan Irvin Vella li rnexxielu jidħol fid-djar u fuq l-ixkafef ta’ ħafna qarrejja żgħar–u kbar ukoll. Għax għalkemm dawn huma kotba bil-Malti immirati għal tfal minn 8 snin ‘il fuq, il-każijiet tal-Investigatur Virtwali huma tajbin ukoll għall-adulti.

Il-Każ Manduca – Irvin Vella, Investigatur Virtwali #01

IVProfile

Il-Każ Manduca kien il-bidu tal-karriera investigattiva ta’ Irvin Vella, li jsib ruħu jipprova jsib irkaptu ta’ x’inhu jiġri ġewwa l-villa tal-Barunessi Manduca fir-Rabat. Bl-għajnuna tal-kuġini tewmin tiegħu Luca u Laura, Irvin jibda jsib ħafna bċejjeċ strambi, li meta jgħaqqadhom kollha flimkien …

Il-Każ Manduca kien ippubblikat għall-ewwel darba minn Merlin Publishers fl-2015 u ssibu tixtruh online minn hawn.

Fl-2017, ippubblikajt ukoll verżjoni bl-Ingliż għall-Kindle.

Il-Każ tas-Serqiet Strambi – Irvin Vella, Investigatur Virtwali #02

irvin-2-cover-front

Il-Każ tas-Serqiet Strambi hija storja ambjentata fi żmien il-Milied, meta fil-gazzetti lokali jiġu rapurtati għadd ta’ serqiet fejn il-Pulizija ma setgħux isibu x’insteraq. Irvin u l-kuġini tiegħu Luca u Laura, mill-ewwel jaraw il-potenzjal ta’ każ ġdid—xejn xejn, huwa mod kif iqattgħu l-btajjel tal-Milied b’mod naqra aktar interessanti milli jaħlu l-ħin jilagħbu l-PlayStation, inaqqru l-iSpintzies (il-borża favorita t’Irvin) u jixorbu l-kukudina.

Trid tkun taf aktar? Aqra hawn.

Il-Każ tas-Serqiet Strambi kien ippubblikat minn Merlin Publishers fl-2016 u tistgħu tixtruh online minn hawn.

Il-Każ tal-Gżejjer tat-Teżor – Irvin Vella, Investigatur Virtwali #03

Il-Każ tal-Gżejjer tat-Teżor

Il-Każ tal-Gżejjer tat-Teżor huwa t-tielet każ tal-Investigatur Virtwali u din id-darba jeħodna Għawdex. Flimkien mal-kuġini tiegħu, Irvin jipprova jiskopri ċ-ċirkustanzi madwar il-mewt ta’ avukat Malti li miet lejlet l-ewwel tas-sena fil-gżira Għawdxija.

Għaliex jismu l-Każ tal-Gżejjer tat-Teżor? Għax dak l-avukat Malti ma kienx mar Għawdex biex jirrilassa, iżda …

Trid tkun taf aktar? Aqra hawn.

Il-Każ tas-Serqiet Strambi kien ippubblikat minn Merlin Publishers fl-2016 u tistgħu tixtruh online minn hawn.

Il-Każ Stella Maris – Irvin Vella, Investigatur Virtwali #04

Għadu mhux pubblikat, imma suppost dalwaqt.

Il-każ il-ġdid tal-Investigatur Virtwali ilu għal xi żmien lest u bħalissa qed nistennew l-illustratriċi tlesti l-qoxra u l-illustrazzjonijiet ta’ ġewwa biex l-investigazzjonijiet t’Irvin Vella jkomplu. Se jkun jismu Il-Każ Stella Maris u din id-darba Irvin Vella u l-familja tiegħu se jmorru cruise fuq l-ewwel cruise liner Malti fl-istorja. Iżda fil-vjaġġ inawgurali tal-MV Ġgantija ma jmurx kollox lixx. Irvin, Luca u Laura jispiċċaw jinvestigaw każ interessantissimu li jinvolvi ġojjel antik imprezzabbli u, ovvjament, ħafna ħafna ikel.

Il-Każ tal-Maħżen Mitluq – Irvin Vella, Investigatur Virtwali #05

L-ewwel draft ta’ din l-istorja lest, iżda għad irrid naħdem aktar fuq il-manuskritt biex intejjeb l-istorja kemm jista’ jkun qabel ngħaddiha lill-pubblikatur. Il-ħames każ t’Irvin  jibda ġewwa maħżen abbandunat fil-Ħamrun. Irvin jintlaqat f’rasu u jitlef sentejn memorja…infatti, jinsa anki li bidel ismu u li sar Investigatur Virtwali.

Aktar kotba għat-tfal bil-Malti

Jekk għoġbukom l-istejjer ta’ Irvin Vella u tixtiequ taqraw aktar kotba għat-tfal bil-Malti, għax ma tippruvawx is-sensiela ‘Il-Logħba tal-Allat‘? Din hija triloġija ta’ kotba ta’ fantażija dwar tliet iħbieb ta’ 15-il sena li jsibu bieb li jeħodhom f’dinja parallela ma’ tagħna.

Il-kotba fis-serje huma:


JOHN BONELLO huwa minn Ħad-Dingli u twieled fl-1976. Fost il-kotba li kiteb hemm it-triloġija Il-Logħba tal-Allat, id-duoloġija għall-adulti Unus Mundus u s-sensiela għat-tfal Irvin Vella, Investigatur Virtwali. Rebaħ il-Premju Nazzjonali tal-Ktieb erba’ darbiet, fl-2011 bil-ktieb L-Aħħar Ħolma, fl-2013 bil-ktieb Is-Sitt Aħwa, fl-2016 bil-ktieb Il-Każ Manduca u fl-2017 bil-ktieb Il-Każ tas-Serqiet Strambi.

Advertisements

Leave a Reply

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s