It-Taàr. Finalist tal-Premju Nazzjonali tal-Ktieb 2018

L-aħbar li l-ktieb tiegħi It-Taàr intgħażel bħala wieħed mill-finalisti tal-Premju Nazzjonali tal-Ktieb 2018 ma stennejthiex, għalkemm xtaqtha, u ferrħitni ħafna.

Ma stennejthiex mhux għax ma nemminx fl-istorja–anzi, hija storja għal qalbi, li ħdimt fuqha għal snin twal u li ppubblikajt biss wara li kont ċert li hija tajba biżżejjed. Storja li ktibt fl-2010, u li rat id-dawl fl-2017, wara seba’ snin inkisser u nsewwi fiha.

Ma stennejtx li se jintgħażel għar-raġuni li dan il-ktieb, li ppubblikajt għal rasi taħt l-imprint tiegħi stess Serafin Books, ktibtu għal udjenza differenti. Ktibtu għall-addolexxenti (li ma jfissirx li l-kbar ma jistgħux jaqrawh, xejn affattu). Peress li daħal jikkompeti ma’ kotba intenzjonati għal udjenza aktar matura, ħsibt li mhux se jirnexxieli nikkompeti mal-kotba finalisti l-oħra. Kuntent li kont żbaljat.

Esperiment letterarju

It-Taàr huwa ktieb esperimentali ħafna. Kien proġett li fih esperimentajt kemm flaħt–fit-teknika tal-kitba, fejn addottajt stil minimalist li jvarja mal-andament u r-ritmu tal-ġrajja, fil-kuntrasti bejn il-karattri u bejn l-ambjent li nafu u dak li ħloqt jien, esperiment ukoll fil-lingwa–It-Taàr ippubblikajtu kemm bil-Malti kif ukoll bl-Ingliż.

It-Taàr. Finalist tal-Premju Nazzjonali tal-Ktieb 2018

Dwar It-Taàr

It-Taàr huwa l-ewwel ktieb fis-serje Distopja u jirrakkonta l-ġrajjiet li jgħaddu minnhom żewġ komunitajiet ta’ sopravissuti, il-komunita tat-Taàr u dik tal-Baruni. Dawn jgħixu f’partijiet differenti ta’ gżira kbira, li fiċ-ċentru tagħha hemm binja enormi, torri għoli aktar mis-sħab.

Fuq wara tal-ktieb, issibu miktub hekk:

Wieħed u sebgħin sena wara gwerra nukleari dinjija, il-ħajja tkarkar ‘il quddiem b’ritmu mkisser, filwaqt li l-farka bnedmin li fadal jitwieldu, jgħixu u jmutu f’dinja mifnija mard li kulma jmur qiegħda tinbidel f’deżert radjuattiv. F’dik il-ħerba u disperazzjoni, tifel jissielet mal-ħajja fid-dell ta’ torri kbir u misterjuż li baqa’ inpenetrabbli għal għexieren ta’ snin. Xi ħaġa iżda, se tinbidel dalwaqt.

Il-qofol tal-ġrajja

Il-memorja hija l-qofol ta’ din il-ġrajja li tibda bil-premessa li din l-istorja diġà ġrat, qed tiġri bħalissa, u se terġa’ tiġri fil-ġejjieni. Din it-tema fl-istorja timmanifesta ruħha fi kliem ix-xwejjaħ Sal, l-uniku bniedem li jiftakar kif kienet id-dinja qabel inqerdet. Sal il-ħin kollu jfakkar lil ta’ madwaru fil-kilba tal-bnedmin, li frott din il-kilba, seħħet din il-qerda globali. Imbagħad min-naħa l-oħra, hemm Ben, il-protagonist ta’ din l-istorja. It-tifkiriet tiegħu huma kunflitt kontinwu–il-ħin kollu jaħseb f’ħuh li miet ftit qabel, jiftakar fil-kliem li kien jgħid, fit-taħdidiet li kien ikollhom speċjalment dwar ommu u missieru, li hu ma jiftakarhomx għax mietu meta kien għadu tarbija. F’kuntrast ma’ dawn, hemm il-memorji tan-nies tat-torri u l-biża’ kbir li għandhom li l-memorji tagħhom jintilfu għal kollox la darba huma ma jibqgħux jeżistu.

Il-kriżi bilfors għandha toħroġ l-agħar fil-bniedem?

Jiddependi kif tħares lejha. Jien naħseb li meta tpoġġi bniedem f’sittwazzjoni disperata, joħroġ l-istint, dak li vera hu minn ġewwa. Aħna trabbejna f’dinja ta’ kontrolli kontinwi, ta’ regoli fuq regoli li jżommu ordni fis-soċjetà. Iżda min aħna mingħajr dawk il-ktajjen? Nitbissmu lil xulxin jekk niltaqgħu fit-triq, jew nippruvaw noqtlu lil xulxin għax hija kwistjoni ta’ sopravvivenza? L-agħar jista’ jkun l-aħjar tiegħek f’waqtiet bejn ħajja u mewt.

Għaliex il-bżonn ta’ tant dettall u attenzjoni għall-arkitettura f’din in-novella?

Fi storja bħal din, il-post fejn hija ambjentata l-istorja huwa kruċjali, kważi karattru ieħor fih innifsu. Li niddiskrevih b’tant dettall kien importanti ħafna, biex b’hekk noħroġ fiċ-ċar il-kunflitt kbir li hemm bejn il-karattri u l-postijiet fejn jgħixu. Mhuwiex post sabiħ fejn tgħix, u mhux faċli taċċettah, speċjalment jekk tkun drajt f’ħajja komda, fejn tiftaħ il-vit u ssib l-ilma, jew tiftaħ il-fridge u ssib l-ikel. Fl-istess ħin, dan l-ambjent tant iebes joħloq kuntrast qawwi mal-binja li baqgħet sħiħa wara l-attakk nukleari, it-torri enormi li hemm qrib dan il-post.

B’rabta ma’ dan il-punt, ta’ min insemmi l-kollaborazzjoni mal-illustratur bravissimu Derek Fenech, li ħoloq qoxra li tispikka. Derek ispira ruħu minn arkitettura Russa u minn posters Komunisti tal-ħamsinijiet.

It-torri Nimbus: utopja ġewwa distopja

It-torri Nimbus suppost li kellu jkun simbolu tal-għaqda bejn l-umanità, fejn diversi pajjiżi ħadmu flimkien biex bnew din l-ewwel belt vertikali totalment awto-suffiċjenti. Iżda b’ċertu ironija, bl-affarijiet li ġraw, dan it-torri spiċċa ħa rwoli u tifsiriet ġodda. In-nies tat-Taàr u tal-Baruni jużawh bħala referenza ġeografika, u biex ibeżżgħu liż-żgħar bi stejjer t’iħirsa u mostri. Min hemm ġo fih, iħoss piż kbir, il-piż li huma l-aħħar tama biex mijiet ta’ snin ta’ riċerki ma jintilfux u jintesew qishom qatt ma kienu. Ħin minnhom, wieħed mill-karattri jgħid li spiċċaw huma stess parti mill-esperiment li ħolqu.

Il-finalisti l-oħra

Mis-7 kotba l-oħra li huma finalisti irnexxieli naqra 3 s’issa. L-oħrajn smajt affarijiet sbieħ fuqhom u ħerqan li naqrahom ukoll. Intant, dwar it-3 li qrajt:

It-Tawmaturgu (pubblikazzjoni Horizons, 2017)

Inzerta li It-Tawmaturgu ta’ Mark-Anthony Fenech, kont għamiltu xogħol ta’ editjar u huwa ktieb li nfaħħar ħafna. It-Tawmaturgu huwa ktieb ta’ fantaxjenza, u bħalu għadna qatt ma rajna fix-xena letterarja Maltija.

It-Tawmaturgu

Huwa uniku bħala ġeneru, iżda huwa uniku għal raġuni oħra wkoll–Mark-Anthony ma beża’ xejn joħloq kliem ġdid għal termini xjentifiċi li fil-Malti m’għandniex kliem għalihom. L-istorja hija kumplessa u fl-istess ħin intriganti, f’mumenti tfakkrek fi Dune, il-kapulavur ta’ Frank Herbert, u f’xi bnadi f’serje kult bħal Firefly.

Kapitali (Pubblikazzjoni Merlin Publishers, 2017)

Kapitali, ta’ Wayne Flask, huwa thriller politiku li għoġobni immens. Dan il-ktieb ħakimni sa mill-ewwel ftit kapitli. Qrajtu malajr wisq, u xtaqt li kien ħafna itwal.

kapitali1

Għalkemm taf li qed taqra fiction, fl-istess ħin il-kliem jinfed ir-realtá donnu sikkina taħraq minn ġo blokka xaħam iffriżat. Bejn intriċċi politiċi, kuntratti, tixħim, drogi u kilba kbira għall-poter u flus, qalb il-paġni ta’ Kapitali hemm xi ħaġa għaddejja l-ħin kollu, qisha magna li ma tieqaf qatt. Lanqas waqt funeral. Għoġobni ħafna kif inhu miktub, f’kapitli jalternaw bejn il-karattri fl-istorja. L-użu tal-ewwel persuna kien ġenjali, għax l-awtur irnexxielu joħloq ilħna distinti (u intimi) ħafna għall-karattri prinċipali.

Rokit (Pubblikazzjoni Merlin Publishers, 2017)

Il-kitba ta’ Loranne Vella minn dejjem għoġbitni ħafna, speċjalment il-ktieb tagħha Magna Mater, li huwa wieħed mill-aktar kotba bil-Malti li nħobb.

rokit

Rokit huwa ktieb ta’ fantaxjenza bil-Malti li bħal It-Taàr għandu tema distopjana. Għoġobni kif minn ‘wide-angle’ fejn niltagqħu mal-protagonist tal-istorja idur minn pajjiż għall-ieħor, l-istorja tiffoka dejjem aktar sa ma l-qofol ta’ Rokit jiżvolġi f’Malta, blata li kulma jmur dejjem tiċkien. Għalkemm l-istorja intriganti ħafna, ħassejt li kien jonqsu ftit xogħol ieħor biex ikun perfett.

Minn fejn jinxtara It-Taàr?

It-Taàr jinsab għall-bejgħ mingħand Meli Book Shop, Triq Santa Lucia, il-Belt, jew online (tqassim b’xejn f’Malta u Għawdex) minn hawn.

Il-verżjoni bl-Ingliż ta’ The Taàr tista’ ssibha minn dawn il-postijiet:

Dan il-ktieb ser ikun ukoll għall-bejgħ minn fuq l-istand ta’ Meli Book Shop waqt il-Festival Nazzjonali tal-Ktieb bejn is-7 u l-11 ta’ Novembru 2018, Ċentru tal-Konferenzi, Dar il-Mediterran, il-Belt Valletta.


Żur www.johnabonello.com għal aktar informazzjoni dwari u dwar il-kotba tiegħi.

Advertisements

Leave a Reply

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s