Kotba bil-Malti għall-adolexxenti

Is-sensiela ta’ kotba bil-Malti għall-adolexxenti Il-Logħba tal-Allat hija triloġija fil-ġeneru tal-fantażija. B’kollox hemm 3 kotba fis-serje, li huma:

  1. It-Tielet Qamar (2008) – Ixtrih minn hawn.
  2. L-Aħħar Ħolma (2010) – Ixtrih minn hawn.
  3. Is-Sitt Aħwa (2012) – Ixtrih minn hawn.

Għalkemm kull ktieb miktub b’mod li jista’ jinqara għalih, il-parir tiegħi hu li jinqraw fl-ordni kif ippubblikajthom.

L-ewwel ktieb, It-Tielet Qamar ippubblikajtu fl-2008, imbagħad L-Aħħar Ħolma fl-2010 u u Is-Sitt Aħwa fl-2012. It-tliet kotba ntlaqgħu tajjeb ħafna minn qarrejja ta’ kull etá, u anki minn kritiċi. Dan jixhduh il-premjijiet li rbaħt fl-2011 u fl-2013 meta ġejt mogħti l-Premju Nazzjonali tal-Ktieb kemm għal L-Aħħar Ħolma kif ukoll għal Is-Sitt Aħwa.

L-Aħħar Ħolma, rebbieħ tal-ewwel premju fil-kategorija proża bil-Malti għall-adolexxenti

Il-Logħba tal-Allat tirrakkonta l-istorja ta’ tliet iħbieb ta’ 15-il sena. Dawn isibu bieb fit-tempju ta’ Ħaġar Qim li minnu jirnexxielhom jidħlu f’dinja oħra, parallela għal tagħna. Hemmhekk isibu poplu stramb immexxi minn raġel xiħ jismu Noah u jgħinuh jegħleb għadu antik tiegħu.

Il-qoxra tat-tliet kotba huma xogħol l-artist Matthew Grima Connell, li flimkien mad-direttur artistiku ta’ Merlin Publishers, Pierre Portelli, ħoloq qoxra li mhux biss tiġbed l-għajn iżda li tikkumplimenta l-istorja.

Il-fantażija bil-Malti għall-adolexxenti mhix xi ġeneru daqshekk popolari. Apparti t-triloġija tiegħi, hemm biss ftit kotba oħra li jaqgħu taħt l-istess kategorija. Fost dawn insibu Is-Seba’ Tronġiet Mhewwija ta’ Trevor Żahra u It-Triloġija tal-Fiddien ta’ Simon Bartolo u Loranne Vella.

It-Tielet Qamar (Il-Logħba tal-Allat, #01)

182621_186995054654954_5308549_n

L-ewwel ktieb fit-triloġija ‘Il-Logħba tal-Allat’ ra d-dawl għall-ewwel darba f’Ġunju tal-2008. Dan introduċa lil Xon, Marku u Riku lill-qarrejja. L-istorja tibda bil-mewt tan-nannu ta’ Xon, fejn fl-aħħar waqtiet ta’ ħajtu, Salvu jgħaddi xi ħaġa lil Xon. Minn hemm, l-istorja taqbad ritmu li jibqa’ jżid u jżid sakemm l-istorja tasal fi tmiem li jħalli lill-qarrej bla nifs.

Hemm xi mkien fejn iż-żmien ma jgħaddix kif nafuh aħna.

Hemm post fejn jgħammar ġens bi ġrajja mhux tas-soltu, post li ilu eluf ta’ snin mistur u minsi. Iżda issa wasal iż-żmien li tissokta l-logħba tal-allat, u dak li kien moħbi, jibda jinkixef.

Xon, Marku u Riku sabu dan il-post …

Wara li l-ewwel edizzjoni tat-Tielet Qamar inbiegħet kollha, it-tieni edizzjoni ġiet ippubblikata minn Merlin Publishers f’Ġunju tal- 2010, dakinhar tat-tnedija tat-tieni ktieb f’din it-triloġija ta’ kotba bil-Malti għall-adolexxenti, L-Aħħar Ħolma.

Jekk tixtieq taqra aktar dwar It-Tielet Qamar u kif nibtet l-istorja, aqra hawn.

L-Aħħar Ħolma (Il-Logħba tal-Allat, #02)

179424_186995021321624_4300131_n

Rebbieħ tal-Premju Nazzjonali tal-Ktieb 2011

It-tieni ktieb fit-triloġija ‘Il-Logħba tal-Allat’ ħareġ għall-bejgħ fl-2010. L-Aħħar Ħolma ma jkomplix fejn ħalla l-ktieb ta’ qablu, iżda jirrakkonta ġrajja li seħħet ħafna snin qabel, meta n-nannu ta’ Xon, Salvu l-Qamar, kien għadu żagħżugħ.

L-iskop tal-ktieb huwa li jidħol aktar fil-fond f’ċerti affarijiet li jissemew fl-ewwel ktieb, kif ukoll jipprepara lill-qarrej għall-għeluq ta’ din l-istorja bil-Malti għall-adolexxenti.

Sittin sena qabel il-ġrajjiet li seħħew f’It-Tielet Qamar …

Il-Qamar u l-Anġlu, Salvu u Mikiel. Niżlu jqattgħu lejl f’Ħaġar Qim bħalma dejjem jagħmlu fi tmiem il-ġimgħa. Iżda din id-darba xejn mhuwa bħas-soltu … għax f’salt wieħed, bi żball jew b’kumbinazzjoni, sfaw katapultati f’univers ieħor. U sabu ruħhom f’nofs logħba li ilha tintlagħab eluf kbar ta’ snin, sa minn dakinhar li sitt aħwa b’setgħat tal-għaġeb ħolquha biex jgħaddu ftit taż-żmien.

Iżda issa r-regoli tal-logħba nbidlu …

Aktar informazzjoni dwar kif ktibt L-Aħħar Ħolma tinsab hawnhekk.

Is-Sitt Aħwa (Il-Logħba tal-Allat, #03)

416197_10150714362571047_1344862417_o

Rebbieħ tal-Premju Nazzjonali tal-Ktieb 2013

It-tielet ktieb fit-triloġija ‘Il-Logħba tal-Allat’ ġie ppubblikat fl-2012. Is-Sitt Aħwa jkompli eżatt fejn ħalla It-Tielet Qamar. Xon, Marku u Riku għadhom qed jgħixu f’Qim, dinja parallela ma’ tagħna. Iżda issa skoprew ukoll li jeżistu aktar dinjiet, u mhux dawk it-tnejn biss. U ovvjament, se jittantaw iżuru waħda minn dawn.

Tistenniehom, hemm avventura li se tħalli lil qarrej bla nifs.

It-tielet volum fit-triloġija Il-Logħba tal-Allat

L-Imxajtan fl-aħħar ħareġ minn fejn eluf ta’ snin ilu safa msakkar minn ħutu stess. L-għan tiegħu li jkun mill-ġdid setgħan fuq kollox u fuq kulħadd. Iżda jonqsu xi ħaġa li mingħajrha ma jista’ qatt ikun sħiħ. U qed ifittixha.

Taħt il-kmand ta’ Baàl, Sultan tad-Dlamijiet u alla tal-ħin, Ulied il-Lejl bdew jinġabru fuq id-dinjiet kollha sabiex iwieġbu għas-sejħa tal-imgħallem tagħhom. Minn fejn jgħaddu, iħallu biss ħerba u mwiet.

U l-logħba, kif se tintemm?

Jekk tixtieq taqta’ aktar kurżitajiet dwar l-istorja u kif inkiteb Is-Sitt Aħwa, aqra din il-bloggata.


Jekk tixtieq aktar informazzjoni jew biex tikkuntattjani, żur is-sit tiegħi https://www.johnabonello.com/ jew sibni fuq Facebook.

Advertisements

Leave a Reply

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s