Image

Il-Istrina xi Xkaffa

Kelma ġġib ‘il oħra u bil-ħbieb tagħmel triq fil-baħar. Speċjalment jekk ikollhom l-għodda biex jaħdmu.

Kelli bżonn xkaffa. Xkaffa għall-kotba tiegħi. Bejn is-17 u t-18 ta’ Diċembru se nkun qed nesibixxi l-kotba kollha li ppubblikajt waqt maratona tat-table tennis organizzata minn HiTT Academy Malta b’risq il-Community Chest Fund f’St. Albert’s College, il-Belt. Mill-kotba li nbiegħ se nagħti donazzjoni għall-Istrina 2016.

Il-biċċa kienet li ridt xi ħaġa naqra sura fuq xiex inpoġġi l-kotba. L-ixkaffa li kont ħdimt għall-maratona tal-2015 ma kinitx daqshekk tajba għax baxxa u żgħira wisq. Għidt żewġ kelmiet lill-Pe, ħabib tiegħi minn żmien meta id-dinja kienet għadha żgħira. Ta’bniedem kbir li hu (u jagħmel naqra prodotti tal-ikel bomba-litteralment), l-għada bagħatli ritratt ta’ żewġ xkafef tal-kotba weqfin. Staqsieni liema nippreferi.

L-ewwel waħda, għidtlu. Qalli mela nagħmluha.

U għamilnieha.

Ċioe, hu għamilha, jien kont preżenti.

Qattajna madwar erba’ sigħat fil-garaxx tiegħu l-Ħamis 8 ta’ Diċembru, bix-xita tqattar bil-mod barra u r-riħa tfuħ ta’ njam inċanat f’imnifsjna , u kieku ma ċempillix it-tifel għax xtaq li jagħmel il-homework miegħi, hemm kont nibqa’. F’dawk l-erba’ sigħat il-Pe laħaq qatta’ l-injam, inċanah, għamel il-bażi, għamel il-minċotti u nkullajna kollox flimkien.

L-għada mort ġbartha, u wara għorka sewwa, bdejt il-proċess biex injam tal-aħmar jiġi jidher qisu tal-ġewż…taf int, naqra make-up tal-okkażjoni.

Titħajjar tiġi sal-maratona? Tixtri ktieb, tiekol mincepie (jew tnejn), idduq il-prodotti Talpé, tilgħab jew tara logħba table tennis u tagħti xi ħaġa żgħira għal min hu fil-bżonn?

 

 

 

Advertisements