Il-Milied skont Irvin Vella

It-tieni ktieb fis-sensiela Irvin Vella, Investigatur Virtwali ħiereġ fil-jiem li ġejjin. Il-Każ tas-Serqiet Strambi  jinvolvi għadd ta’ serqiet li jsiru kollha fi żmien il-Milied. B’xi mod jew ieħor, il-Milied jolqot lil kull wieħed mill-karattri tal-istorja, kif wara kollox jolqot lilna: min iħobbu, min jobogħdu, min ifakkru f’ħaġa u min f’oħra.

screen-shot-2016-10-21-at-13-00-53

Għal Irvin pereżempju, il-Milied marbut mal-ħlewwiet tradizzjonali Maltin (u internazzjonali), ibda mill-qagħaq tal-għasel u spiċċa fl-imbuljuta, ix-xarba sħuna bil-qastan u l-kukkudina mqassma fuq iz-zuntier tal-knisja wara l-quddies ta’ nofsillejl. U ovvjament, l-ikla kolossali nhar il-Milied, mill-kċina t’ommu Marthese. Wara kollox, ma tistax tiġi l-ewwel fil-klassifika tal-aktar nies ħoxnin fid-Dinja mingħajr ma tagħmel ftit sforz.

Għal Luca u Laura, l-assistenti (u kuġini) t’Irvin, il-Milied żmien tad-dwejjaq għax ifakkarhom f’missierhom li miet ftit tas-snin qabel. Fil-Milied kien dejjem jieħu żmien off mix-xogħol u jqatta’ kważi xahar sħiħ magħhom. Għalhekk għalihom żmien iebes, u jippreferu jmiddu jdejhom ħalli ħsibijiethom ma jitfgħuhomx f’burdati mdallmin.

Għal Francis Cilia, sid il-Best In Town Confectionery (est. 1987) il-Milied l-aħjar żmien għan-negozju tiegħu u jħobb iżejjen il-vetrina tal-ħanut bl-aħjar mod possibbli. Saħansitra jħalliha mixgħula u bix-shutter imtella sa nofsillejl kuljum fi żmien il-Milied.

Għal Pauline Farrugia, sid ta’ wieħed mill-ħwienet li nsterqu, il-Milied ma jfisser xejn. U lanqas l-Għid jew kwalunkwe festa oħra. Għal Pauline jeżisti biss ix-xogħol. Minn xħin jisbaħ sa xħin jidlam u anki fil-ħolm.

Għall-Ispettur Montebello, it-taħlita tax-xita tqattar, dwal iteptpu u mużika tal-Milied hija xi ħaġa imsaħħra. L-uniku xewqa li għandu hija li dak il-Milied imur iqattgħu mal-mara u mat-tifel, li għadu jemmen li jeżisti Father Christmas. Ooops.

Għal Marissa Abela, waħda mill-aħwa propjetarji ta’ Calleja Bros – il-fabbrika fejn jiżvolġi l-każ,  il-Milied żmien ta’ nostalġija li iżda jnissel paċi interna fiha, u ż-żmien li tisma’ Let it Snow ta’ Dean Martin on repeat, waħda mill-aktar diski għal qalbha.

U għalik, xi jfisser il-Milied?


Il-Każ tas-Serqiet Strambi huwa pubblikazzjoni ta’ Merlin Publishers u se jkun għall-bejgħ fil-jiem li ġejjin madwar Malta u Għawdex. Għal aktar tagħrif dwar il-kotba tiegħi żur www.johnabonello.com jew il-paġna tiegħi fuq Facebook.

Kotba fis-sensiela Irvin Vella, Investigatur Virtwali:
  1. Il-Każ Manduca (2015)
  2. Il-Każ tas-Serqiet Strambi (2016)
Advertisements

Minn villa fir-Rabat għal fabbrika fil-Marsa

Sentejn ilu, Irvin Vella idebbutta fix-xena lokali bl-ewwel każ tiegħu, b’investigazzjoni ta’ dehriet strambi ġewwa villa fir-Rabat. Il-villa nnifisha kważi saret karattru ieħor f’Il-Każ Manduca u lill-qarrejja intrigathom ħafna.

F’dan it-tieni ktieb, il-post fejn isseħħ il-biċċa l-kbira tal-istorja wkoll għandu importanza. Din id-darba mhix villa b’ġonna kbar, b’arkitettura gotika u soqfa impittrin, iżda fabbrika tal-ikel f’xatt il-Marsa. Bini ta’ żmien l-Ingliżi, faċċata tal-power station l-antika, imħażen maqlubin f’fabbrika fejn jiġu manifatturati snacks popolari ħafna. Speċjalment m’Irvin.

img_20161008_145639
It-triq fil-Marsa fejn tiżvolġi l-istorja
Il-fabbrika hija ovvjament fittizja, ħolqien immaġinat, ispirat miż-żmien li qattajt naħdem ġewwa post simili fil-Mosta bejn l-1995 u l-1999. Dak kien l-ewwel impjieg full-time tiegħi, fejn tgħallimt ħafna u fejn l-esperjenzi li ġarrabt kienu pedament tajjeb għax-xogħolijiet li għamilt wara. Il-kumpanija li kont naħdem magħha dak iż-żmien, l-OK Products Ltd, għadha sal-lum tagħmel boroż ta’ snacks, fosthom uħud li ddisinjajt jien stess.

screen-shot-2016-10-08-at-14-37-45
Il-qoxra, xogħol ta’ Lisa Falzon u Pierre Portelli
Għal darb’oħra, l-illustrazzjonijiet huma xogħol Lisa Falzon. Bħalma ġara fl-ewwel ktieb, Lisa rnexxielha tħoss l-vibe tal-post u ħolqot l-illustrazzjoni tal-qoxra madwar dawn l-imħażen. U żiedet il-qanpiena tixgħel mal-faċċata tal-bini, għax wara kollox, is-serqiet strambi seħħew ħamest ijiem qabel il-Milied.

Il-Każ tas-Serqiet Strambi huwa pubblikazzjoni ta’ Merlin Publishers u se jkun għall-bejgħ fil-jiem li ġejjin madwar Malta u Għawdex. U qrib Kemmuna, għax fuq il-vapur t’Għawdex jinbiegħ ukoll.

Għal aktar tagħrif dwar il-kotba tiegħi żur www.johnabonello.com jew il-paġna tiegħi fuq Facebook.

Kotba fis-sensiela Irvin Vella, Investigatur Virtwali:
  1. Il-Każ Manduca (2015)
  2. Il-Każ tas-Serqiet Strambi (2016)

7 raġunijiet għaliex għandek tieqaf taqra

Il-qari ħażin ħafna. Ħażin għalik u għal ta’ madwarek. U mhux raġuni waħda hemm, imma minn tal-anqas 113. Hawn se nsemmi biss 7:

  1. Il-qari jagħmlek intelliġenti – Tkun iblah jekk xi darba f’ħajtek għaddielek il-ħsieb li ssir taf ftit aktar milli diġà taf. Immaġina kemm in-nies ta’ madwarek jibdew jarawk interessanti, u joqogħdu jiffittawk u jkunu jridu jsiru jafuk aktar mill-qrib. Tal-biża’.
  2. Il-qari jaljenak mill-ġrajjiet kurrenti – Mhux ċajta, tintilef fi ktieb u taħrablek l-aħbar li l-Ingilterra vvutaw biex joħorġu mill-Unjoni Ewropea, jew li Cristiano Ronaldo ma jiħux gost meta jeħdulu ritratti waqt li jkun il-baħar. Traġedja.
  3. Waqt li qed taqra, qed titlef iċ-ċans li taqbad il-pokemon li jmiss. Kemm qbadt int?
  4. Tista’ tieħu riħ f’għajnejk – Int u taqra l-uniċi muskoli li tuża huma għajnejk. Jekk jgħaddi biżżejjed ħin, dawn jiġu jaħarqu u ovvjament tista’ tieħu riħ. Qrajtha xi mkien din, mhux ċert fejn.
  5. Tista’ titkeċċa mix-xogħol – Ħafna jafu li min jaqra jispiċċa jintilef fil-ktieb li jkun qed jaqra u jinsa d-dinja u kulm’hemm fiha. Naturalment, dan ifisser li qarrej se jasal tard ix-xogħol. U tagħmilha darba, imbagħad tnejn, imbagħad tlieta … fl-aħħar il-famuża ġarra se tixpakka.
  6. B’tal-linja jaqbillek. Bil-qari le – Issib ħafna li jintefgħu jaqrawlek f’tal-linja. Imbagħad, mitlufin fil-ktieb, ma jindunawx li waslu u jispiċċaw post ieħor. U għidli int, kif se tmur id-dar issa?
  7. Ċerti kotba jibdluk fi kriminal – Minn fejn ħsibtu li jġibu l-ideat il-ħallelin u l-qattiela jekk mhux mill-kotba? Dawn it-thrillers u l-polizjeski kollha jduru mas-saqajn u mal-ixkafef tal-kotba ħsara biss qed jagħmlu. Għalik qed ngħid, awtur irresponsabbli.

Jekk wara li qrajt dawn it-twissijiet kollha, ġejt ala biebek u xorta trid tibqa’ tagħmel ta’ rasek u tibqa’ taqra, għax ma tippruvax wieħed minn dawn:

U int, taf xi raġuni oħra għalfejn jaqbillek tieqaf taqra?

Mill-forn fejn kien qed jinħema . . .

Ġimgħa qabel il-Festival Nazzjonali tal-Ktieb 2015, żort l-istamperija Gutenberg waqt il-proċess ta’ stampar tal-ktieb il-ġdid tiegħi Jien, Wieħed Minnhom li se jkun għal bejgħ waqt il-festival minn fuq l-istand ta’ Merlin Publishers.

IMG_20151028_120956F’żewġ ħinijiet paralleli, il-qoxra kienet qed tiġi stampata fuq magna u l-kontenut tal-ktieb fuq magna oħra. Il-proċess sħiħ jieħu sagħtejn u nofs, bil-magni jipproċessaw aktar minn 10,000 karta fis-siegħa.

IMG_20151028_122011Wara li jitlesta l-istampar, il-karti u l-qxur jgħaddu fuq magna oħra li tifforma l-ktieb u tinkolla l-qoxra f’postha.

IMG_20151028_123652Deherli li lmaħt lil Steve Ebejer, is-Serafin, jistaħba wara waħda minn dawn il-magni. Iżda sakemm mort nittawwal laħaq żgiċċali . . .

‘Jien, Wieħed Minnhom’ imsarraf f’numri . . .

12038620_1033302013367948_1767429111837420833_o
Il-qoxra ta’ Jien, Wieħed Minnhom, disinn ta’ Pierre Portelli

Is-6 ktieb tiegħi jismu Jien, wieħed minnhom. Dan huwa it-2 ktieb fis-sensiela Unus Mundus u bħall-ktieb ta’ qablu, l-istorja maqsuma fi 3 partijiet. Ħiereġ nhar il-Ġimgħa 6 ta’ Novembru 2015, 24 xahar wara Fil-Mergħat tal-Impossibbli. B’kollox domt 30 xahar nirriċerka, nikteb u neditjah. Il-verżjoni finali tal-manuskritt mitbugħ se jkun fiha 224 paġna. Fih 39,024 kelma, imqassmin fi 23 kapitlu. Minn meta bdejt niktbu, fid-19 ta’ Lulju tal-2012, l-ammont ta’ emails li bgħatt u rċivejt dwaru kienu 319 fuq medda ta’ 1,204 ġranet. Dan se jkun it-2 ktieb tiegħi ppublikat din is-sena, u t-2 wieħed miktub għall-adulti. L-istorja hija rrakkontata fl-1 persuna minn Steve Ebejer, wieħed mill-4 serafini li hemm iħufu bejn il-mergħat . . . Il-pubblikazzjoni hija tal-Merlin Publishers taħt ISBN: 9789990915686.

Kien diġà dalam meta ħabbat il-bieb . . .

. . . u malli ftaħt sibt raġel u mara mdaħħlin fiż-żmien iħarsu lejja. Kont qed nistenniehom, avolja ma kontx nafhom. Hu, raġel imwieled Ħad-Dingli li llum jgħix l-Awstralja. Ġie għal ftit xhur hawn Malta. Hi Rabtija, oħtha tgħix l-Awstralja fl-istess triq ta’ dan ir-raġel. Xtaqu jixtru t-triloġija tiegħi, Il-Logħba tal-Allat, wara li semgħuni nitkellem f’intervista mxandra fuq stazzjon tar-radju Awstraljan fid-29 ta’ Novembru 2014. Dakinhar, Joe Axiaq minn SBS Radio, kien ċempilli kmieni filgħodu u għamilna intervista telefonika li milli jidher instemgħet minn ħafna nies u ntogħġbot.

Dawn iż-żewġ persuni tkellmu mal-mara tiegħi u ftiehmu magħha li jiġu d-dar jiltaqgħu miegħi. Xtraw il-kotba, iffirmajtomlhom u għamilna ftit ħin insiru nafu lil xulxin. Il-kotba li xtraw ħaduhom magħhom lura l-Awstralja. Ħaġa li tassew tatni sodisfazzjon.

Isma’ l-intervista sħiħa hawnhekk.

John trilogija ad

L-Ewwel Flurb

flurbFil-Mergħat tal-Impossibbli huwa l-ewwel ktieb Malti li ħareġ bi front cover blurb, jew ‘Flurbkif sejħulha l-imħuħ wara din l-idea. L-iskop tal-Flurb kien li:

a) jagħti esperjenza ‘immersiva’ lill-qarrej li malli jaqra dawk l-ewwel 99 kelma fuq il-qoxra ta’ barra jkun diġà daħal fl-istorja u jkun irid jaqra aktar

b) ikun innovattiv u qarrej li jarah taqbdu kurżità għax mhux imdorri jara xi ħaġa ta’ dak it-tip.

Biex l-isem tal-ktieb jispikka aktar, in-nies tal-Gutenberg Press użaw proċess jgħidulu spot uv lamination fuq it-titlu. B’dan it-trattament, il-kliem Fil-Mergħat tal-Impossibbli ħareġ ‘il barra peress li ġie jleqq u ftit imbuzzat.

Ir-ritratt li ntuża fl-isfond huwa meħud minn Pierre Portelli, u jirrifletti ħafna l-atmosfera tal-istorja.

U waqt li qed nikteb din il-bloggata, qegħdin nippreparaw il-qoxra għal Jien, Wieħed Minnhom, it-tieni ktieb tad-duoloġija Unus Mundus li se jkun ippubblikat fil-ġimgħat li ġejjin . . .