Kotba għat-tfal bil-Malti

Is-sensiela ta’ kotba bil-Malti għat-tfal Irvin Vella, Investigatur Virtwali bdejt niktibha fl-2014. Intlaqgħet tajjeb kemm mill-qarrejja żgħar li jħobbu l-qari bil-Malti u wkoll mill-kritiċi tal-letteratura Maltija. Filfatt, l-ewwel ktieb fis-sensiela ġie mogħti l-Premju Terramaxka 2016, li huwa l-Premju Nazzjonali tal-Ktieb għat-tfal ta’ bejn it-8 u t-12-il sena.

IMG_20161108_200225

Dawn l-istejjer nieħu gost ħafna niktibhom. U nieħu gost naqrahom ukoll. Waqt li nkun qed nikteb, ngħixhom daqslikieku qed iseħħu vera u naf li għad baqgħali ħafna x’nikteb dwar dan Irvin Vella li rnexxielu jidħol fid-djar u fuq l-ixkafef ta’ ħafna qarrejja żgħar–u kbar ukoll. Għax għalkemm dawn huma kotba bil-Malti immirati għal tfal minn 8 snin ‘il fuq, il-każijiet tal-Investigatur Virtwali huma tajbin ukoll għall-adulti.

Il-Każ Manduca – Irvin Vella, Investigatur Virtwali #01

IVProfile

Il-Każ Manduca kien il-bidu tal-karriera investigattiva ta’ Irvin Vella, li jsib ruħu jipprova jsib irkaptu ta’ x’inhu jiġri ġewwa l-villa tal-Barunessi Manduca fir-Rabat. Bl-għajnuna tal-kuġini tewmin tiegħu Luca u Laura, Irvin jibda jsib ħafna bċejjeċ strambi, li meta jgħaqqadhom kollha flimkien …

Il-Każ Manduca kien ippubblikat għall-ewwel darba minn Merlin Publishers fl-2015 u ssibu tixtruh online minn hawn.

Fl-2017, ippubblikajt ukoll verżjoni bl-Ingliż għall-Kindle.

Il-Każ tas-Serqiet Strambi – Irvin Vella, Investigatur Virtwali #02

irvin-2-cover-front

Il-Każ tas-Serqiet Strambi hija storja ambjentata fi żmien il-Milied, meta fil-gazzetti lokali jiġu rapurtati għadd ta’ serqiet fejn il-Pulizija ma setgħux isibu x’insteraq. Irvin u l-kuġini tiegħu Luca u Laura, mill-ewwel jaraw il-potenzjal ta’ każ ġdid—xejn xejn, huwa mod kif iqattgħu l-btajjel tal-Milied b’mod naqra aktar interessanti milli jaħlu l-ħin jilagħbu l-PlayStation, inaqqru l-iSpintzies (il-borża favorita t’Irvin) u jixorbu l-kukudina.

Trid tkun taf aktar? Aqra hawn.

Il-Każ tas-Serqiet Strambi kien ippubblikat minn Merlin Publishers fl-2016 u tistgħu tixtruh online minn hawn.

Il-Każ tal-Gżejjer tat-Teżor – Irvin Vella, Investigatur Virtwali #03

Il-Każ tal-Gżejjer tat-Teżor

Għadu mhux pubblikat, imma suppost dalwaqt.

Il-każ il-ġdid tal-Investigatur Virtwali ilu għal xi żmien lest u bħalissa qed nistennew l-illustratriċi tlesti l-qoxra u l-illustrazzjonijiet ta’ ġewwa biex l-investigazzjonijiet t’Irvin Vella jkomplu. Se jkun jismu Il-Każ tal-Gżejjer tat-Teżor u se jkun l-ewwel każ għal Irvin li ma jseħħx kollu kemm hu Malta.

Il-Każ Stella Maris – Irvin Vella, Investigatur Virtwali #04

Irvin Vella u l-familja tiegħu se jmorru cruise fuq l-ewwel cruise liner Malti fl-istorja. Iżda fil-vjaġġ inawgurali tal-MV Ġgantija ma jmurx kollox lixx. Irvin, Luca u Laura jispiċċaw jinvestigaw każ interessantissimu li jinvolvi ġojjel antik imprezzabbli u, ovvjament, ħafna ħafna ikel.

L-ewwel u t-tieni drafts ta’ din l-istorja lesti iżda għad irrid naħdem aktar fuq il-manuskritt biex intejjeb l-istorja kemm jista’ jkun qabel ngħaddiha lill-pubblikatur.

Il-Każ tal-Maħżen Mitluq – Irvin Vella, Investigatur Virtwali #05

Il-ħames każ t’Irvin qed niktbu bħalissa. Kollox jibda ġewwa maħżen abbandunat fil-Ħamrun. Irvin jintlaqat f’rasu u jitlef sentejn memorja…infatti, jinsa anki li bidel ismu.

Din l-istorja ilni nippjanaha u naħseb fuqha aktar minn sena. Tant kienet ċara ġo moħħi li ħierġa għal fuq il-karta b’mod vera naturali u kull meta nsib ħin nikteb tassew qed nagħmel progress. Konvint li sa ftit xhur oħra jkolli l-ewwel draft lest. Imbagħad jibda l-irfinar…

Advertisements

A children’s detective story unravelling in the heart of the Mediterranean

There’s this old Baroque villa in a small town called Rabat. It has haunted me almost every day since my childhood–and not just me, but countless others.

Perhaps it’s the way it stands within the heart of the town, yet detached from time and everday life. Perhaps because it’s been neglected for so long that everything around it has moved on, while this old mansion stayed rooted in a past that is no more.

The mansion I’m writing about is called Villa Luginsland, once the residence of the German consul Baron Max Von Tucker. He served in Malta in the early 20th century and during that time Von Tucker commissioned the architect Francesco Zammit to build the amazing villa.

For years, I had been thinking about writing a story based within the confines of this fascinating yet peculiar setting. I was pregnant with ideas about a young detective, about a mystery for children, possibly involving ghosts. What better place to give birth to this budding adventure?

In the story, I renamed the mansion to Villa Manduca, property of two old Baronesses, the Manduca sisters Rita and Domenica. Their house was built by their late Grandfather Richard. They have a small entourage of workers who help maintain the place, a gardener, a housekeeper, a maid and a handyman. I restored the delapitaed mansion for the purpose of my novel, keeping its original location and features.

Within the story, the mansion takes up a life of its own, becoming one of the main protagonists of the novel. Irvin Vella, the young wannabe sleuth and his twin 11-year old cousins Luca and Laura, explore every nook and cranny in Villa Manduca, slowly uncovering its deepest, most hidden secrets.

The magic of Villa Manduca seeped through the pages and somehow put a spell even on the illustrators. In the Maltese edition, published as ‘Il-Każ Manduca’ by Merlin Publishers in 2015, the brilliant Lisa Falzon created a most amazing cover with the villa’s exterior as backdrop.

IrvinVella Illustration Only 150dpi
The illustration for the English edition of the book by artist José Domingo

For the English edition, which is currently available in eBook format, talented award-winning Spanish artist José Domingo took inspiration from my descriptions of the basement of the mansion and painted a gorgeous front cover for Irvin Vella’s first case. The exterior of the villa still appears on the back cover of the print-on-demand format that will be released soon on Amazon.

Non Segnis Quies Ruris

Is-skiet tar-raba’ mhux għażżien, jgħidu n-naħat tagħna. Ħa nisraq ftit il-motto ta’ Ħad-Dingli għax jogħġobni, u għax ilni ma nikteb fuq dan il-blog żmien twil. U r-raġuni kienet għax, bħal bdiewa li jkunu siekta jaħdmu r-raba’, jien kont bieżel għaddej nikteb u naħdem fuq il-kotba li jmiss.

Ftit tal-ġimgħat ilu ġiet ippubblukata novella qasira tiegħi bl-isem ta’ QUA f’antoloġija ta’ 10 stejjer li ġġib l-isem Awguri Giovanni Bonello.  Il-ktieb, ippubblikat minn Merlin Publishers, ġie mniedi ġewwa Palazzo Pereira, il-Belt, f’serata mill-isbaħ, fejn jien u wħud mill-kittieba l-oħra tal-ktieb qrajna silta minn xogħolna. QUA hija storja dwar l-Isqof Franċiż Nicholas Bonet u l-Ħakem ta’ Malta Mattew Falzon, dwar kif irnexxielhom jiltaqgħu avolja bejniethom kien hemm 300 sena jifirduhom. L-isem QUA huwa referenza għall-istudju tal-metafiżika–jew dak li jeżisti u dak li jeżisti lil hinn mir-realtá.

Din żgur mhux se tkun l-uniku biċċa xogħol li se nippubblika din is-sena. It-3 ktieb fis-sensiela tal-Investigatur Virtwali huwa ppjanat li joħroġ fix-xhur li ġejjin minn Merlin Publishers. Mhu se ngħidilkom xejn fuqu ħlief li Irvin Vella se jaqsam il-fliegu biex jipprova jsib tarf ta’ każ kemmxejn tqil. U li se jiekol ħafna waqt l-investigazzjoni. Imma naħseb dik kontu tafuha.

U la qed nitkellmu fuq Irvin, proġett ambizzjuż ieħor li jirrigwarda lill-investigatur żagħżugħ huwa l-ewwel każ tiegħu ppubblikat bl-Ingliż. Fil-fatt bħalissa qed niffinalizza l-manuskritt ta’ The Manduca Case, li ttraduċejtu jien stess u li se jkun ippubblikat kemm bħala eBook kif ukoll bħala ktieb tradizzjonali fuq Amazon.

Traduzzjoni oħra li ħdimt fuqha fl-aħħar xhur kienet ta’ ktieb Taljan Io sono Zero miktub minn Luigi Ballerini. Din in-novella għall-addoloxxenti se tkun ippubblikata minn Merlin Publishers aktar tard din is-sena. Dan kien l-ewwel xogħol mhux tiegħi li traduċejt u għall-ewwel ħassejtu xi ftit diffiċli–sakemm drajt l-istil u l-leħen tal-awtur Taljan. Inħoss li tgħallimt ħafna matul dan il-proġett, tagħlim li se nuża żgur għall-kitbiet u traduzzjonijiet oħrajn.

U fl-aħħar nett, pubblikazzjoni oħra għall-2017 hija dik ta’ novella li ilni naħdem fuqha mill-2010. It-Taár (bil-Malti) u The Taár (verżjoni bl-Ingliż), l-ewwel novella fis-sensiela Dystopia, waslet fl-aħħar fażijiet ta’ preparazzjoni. Għall-ewwel darba se nkun qed nippubblika novella bil-Malti u bl-Ingliż fl-istess żmien. L-istorja hija mmirata għall-addoloxxenti u tirrakkonta l-ġrajja ta’ Ben, orfni fuq gżira bla isem, f’dinja iebsa fejn ma baqa’ xejn mill-ħajja li nafu aħna. Ħlief torri enormi li ħadd ma jista’ jidħol fih. Din in-novella se tkun ippubblikata kemm f’verżjoni tradizzjonali kif ukoll bħala eBook.

Dak kollox mill-kamra tal-aħbarijiet. Proġetti oħrajn għall-ġejjieni hemm ukoll, iżda ngħidilkom dwarhom darboħra…

Irvin Vella jerġa’ jmur SPMC

Dsatax-il xahar wara li żort il-kulleġġ ta’ Sant’Agtha fir-Rabat biex tkellimt fuq Il-Każ Manduca mal-istudenti tal-primarja, erġajt mort, din id-darba biex inkellimhom dwar it-tieni każ tal-Investigatur Virtwali.

20161130_092941

Mort l-Erbgħa 30 ta’ Novembru 2016. Laqgħuni bl-istess entużjażmu tal-ewwel darba. Ma kellix bżonn nintroduċi lill-protagonist tan-novelli tiegħi – kollha kienu jafu bih. Il-ħabib tiegħi, Duncan Caruana, għalliem fl-istess kulleġġ u l-kollegi tiegħu, kienu ħadu ħsieb li lil Irvin Vella jkun jafu kulħadd.

20161130_083715.jpg

Wara introduzzjoni qasira, qrajt silta minn Il-Każ tas-Serqiet Strambi. Imbagħad għidtilhom jistqsu li jridu. U staqsew. Ħafna. Kien hemm uħud li kienu diġá xtraw il-ktieb mill-Festival tal-Ktieb u kien hemm fosthom li qrawh. U għalkemm il-mistoqsijiet ‘tas-soltu’ feġġew (fi xħin tikteb, kemm jieħu żmien ktieb biex jinkiteb u jiġi ppubblikat, min jagħmel il-qoxra), ħafna mill-mistoqsijiet kienu dwar il-kotba li jmiss.

Infatti kellimthom dwar it-tielet każ ta’ Irvin Vella li se jkun ippubblikat fl-2017, u tajthom ħjiel ukoll dwar xiex se jkunu ir-raba’ u l-ħames każijiet.

Ma mdumx ma nerġa’ nżurhom. Fil-bidu tas-sena d-dieħla se nkun qed naħdem ma’ studenti ta’ dan il-kulleġġ fuq proġett ta’ kitba kreattiva bl-għan li jaraw xogħolhom ippubblikat. Naf żgur li se jkun suċċess għax l-enerġija li hemm tbaqbaq f’dak il-post ma tħallilekx dubju.

Il-Milied skont Irvin Vella

It-tieni ktieb fis-sensiela Irvin Vella, Investigatur Virtwali ħiereġ fil-jiem li ġejjin. Il-Każ tas-Serqiet Strambi  jinvolvi għadd ta’ serqiet li jsiru kollha fi żmien il-Milied. B’xi mod jew ieħor, il-Milied jolqot lil kull wieħed mill-karattri tal-istorja, kif wara kollox jolqot lilna: min iħobbu, min jobogħdu, min ifakkru f’ħaġa u min f’oħra.

screen-shot-2016-10-21-at-13-00-53

Għal Irvin pereżempju, il-Milied marbut mal-ħlewwiet tradizzjonali Maltin (u internazzjonali), ibda mill-qagħaq tal-għasel u spiċċa fl-imbuljuta, ix-xarba sħuna bil-qastan u l-kukkudina mqassma fuq iz-zuntier tal-knisja wara l-quddies ta’ nofsillejl. U ovvjament, l-ikla kolossali nhar il-Milied, mill-kċina t’ommu Marthese. Wara kollox, ma tistax tiġi l-ewwel fil-klassifika tal-aktar nies ħoxnin fid-Dinja mingħajr ma tagħmel ftit sforz.

Għal Luca u Laura, l-assistenti (u kuġini) t’Irvin, il-Milied żmien tad-dwejjaq għax ifakkarhom f’missierhom li miet ftit tas-snin qabel. Fil-Milied kien dejjem jieħu żmien off mix-xogħol u jqatta’ kważi xahar sħiħ magħhom. Għalhekk għalihom żmien iebes, u jippreferu jmiddu jdejhom ħalli ħsibijiethom ma jitfgħuhomx f’burdati mdallmin.

Għal Francis Cilia, sid il-Best In Town Confectionery (est. 1987) il-Milied l-aħjar żmien għan-negozju tiegħu u jħobb iżejjen il-vetrina tal-ħanut bl-aħjar mod possibbli. Saħansitra jħalliha mixgħula u bix-shutter imtella sa nofsillejl kuljum fi żmien il-Milied.

Għal Pauline Farrugia, sid ta’ wieħed mill-ħwienet li nsterqu, il-Milied ma jfisser xejn. U lanqas l-Għid jew kwalunkwe festa oħra. Għal Pauline jeżisti biss ix-xogħol. Minn xħin jisbaħ sa xħin jidlam u anki fil-ħolm.

Għall-Ispettur Montebello, it-taħlita tax-xita tqattar, dwal iteptpu u mużika tal-Milied hija xi ħaġa imsaħħra. L-uniku xewqa li għandu hija li dak il-Milied imur iqattgħu mal-mara u mat-tifel, li għadu jemmen li jeżisti Father Christmas. Ooops.

Għal Marissa Abela, waħda mill-aħwa propjetarji ta’ Calleja Bros – il-fabbrika fejn jiżvolġi l-każ,  il-Milied żmien ta’ nostalġija li iżda jnissel paċi interna fiha, u ż-żmien li tisma’ Let it Snow ta’ Dean Martin on repeat, waħda mill-aktar diski għal qalbha.

U għalik, xi jfisser il-Milied?


Il-Każ tas-Serqiet Strambi huwa pubblikazzjoni ta’ Merlin Publishers u se jkun għall-bejgħ fil-jiem li ġejjin madwar Malta u Għawdex. Għal aktar tagħrif dwar il-kotba tiegħi żur www.johnabonello.com jew il-paġna tiegħi fuq Facebook.

Kotba fis-sensiela Irvin Vella, Investigatur Virtwali:
  1. Il-Każ Manduca (2015)
  2. Il-Każ tas-Serqiet Strambi (2016)

Minn villa fir-Rabat għal fabbrika fil-Marsa

Sentejn ilu, Irvin Vella idebbutta fix-xena lokali bl-ewwel każ tiegħu, b’investigazzjoni ta’ dehriet strambi ġewwa villa fir-Rabat. Il-villa nnifisha kważi saret karattru ieħor f’Il-Każ Manduca u lill-qarrejja intrigathom ħafna.

F’dan it-tieni ktieb, il-post fejn isseħħ il-biċċa l-kbira tal-istorja wkoll għandu importanza. Din id-darba mhix villa b’ġonna kbar, b’arkitettura gotika u soqfa impittrin, iżda fabbrika tal-ikel f’xatt il-Marsa. Bini ta’ żmien l-Ingliżi, faċċata tal-power station l-antika, imħażen maqlubin f’fabbrika fejn jiġu manifatturati snacks popolari ħafna. Speċjalment m’Irvin.

img_20161008_145639
It-triq fil-Marsa fejn tiżvolġi l-istorja
Il-fabbrika hija ovvjament fittizja, ħolqien immaġinat, ispirat miż-żmien li qattajt naħdem ġewwa post simili fil-Mosta bejn l-1995 u l-1999. Dak kien l-ewwel impjieg full-time tiegħi, fejn tgħallimt ħafna u fejn l-esperjenzi li ġarrabt kienu pedament tajjeb għax-xogħolijiet li għamilt wara. Il-kumpanija li kont naħdem magħha dak iż-żmien, l-OK Products Ltd, għadha sal-lum tagħmel boroż ta’ snacks, fosthom uħud li ddisinjajt jien stess.

screen-shot-2016-10-08-at-14-37-45
Il-qoxra, xogħol ta’ Lisa Falzon u Pierre Portelli
Għal darb’oħra, l-illustrazzjonijiet huma xogħol Lisa Falzon. Bħalma ġara fl-ewwel ktieb, Lisa rnexxielha tħoss l-vibe tal-post u ħolqot l-illustrazzjoni tal-qoxra madwar dawn l-imħażen. U żiedet il-qanpiena tixgħel mal-faċċata tal-bini, għax wara kollox, is-serqiet strambi seħħew ħamest ijiem qabel il-Milied.

Il-Każ tas-Serqiet Strambi huwa pubblikazzjoni ta’ Merlin Publishers u se jkun għall-bejgħ fil-jiem li ġejjin madwar Malta u Għawdex. U qrib Kemmuna, għax fuq il-vapur t’Għawdex jinbiegħ ukoll.

Għal aktar tagħrif dwar il-kotba tiegħi żur www.johnabonello.com jew il-paġna tiegħi fuq Facebook.

Kotba fis-sensiela Irvin Vella, Investigatur Virtwali:
  1. Il-Każ Manduca (2015)
  2. Il-Każ tas-Serqiet Strambi (2016)

Irvin Vella u l-borża favorita tiegħu

Wara s-suċċess uberenormi ta’ Irvin Vella u l-ewwel avventura tiegħu, wasal iż-żmien għat-tieni każ tal-investigatur virtwali—Il-Każ tas-Serqiet Strambi.

irvin-2-cover-frontIt-tieni storja faqqset b’mod li jekk insejjaħlu sempliċiment interessanti ma nkunx qed niddeskrivih sew sew. Kultant nofs ta’ kelma wkoll tagħtik idea. Kultant jaf tkun storja mhux tas-soltu li tispirak, bħal din li ġejja.

Madwar ħames snin ilu, waqt li qiegħed ix-xogħol naħdem għall-kwiet (għal darba ma kellix headphones u mużika qawwija f’widnejja), nisma’ kollega tiegħi jirrakkonta kif kumpanija lokali tal-isnacks għamlet sejħa biex tiġbor konsenja prodotti wara li barmil tal-plastic waqa’ fil-forn fejn jinħema l-prodott. Dak il-ħin is-subkonxju ġibed dik l-istorja u nebbet l-ewwel żerriegħa ċkejkna li finalment wasslet għat-tieni ktieb fis-sensiela ta’ Irvin Vella.

Il-Każ tas-Serqiet Strambi hija storja ambjentata fi żmien il-Milied, meta fil-gazzetti lokali jiġu rapurtati għadd ta’ serqiet fejn il-Pulizija ma setgħux isibu x’insteraq. Irvin u l-kuġini tiegħu Luca u Laura, mill-ewwel jaraw il-potenzjal ta’ każ ġdid—xejn xejn, huwa mod kif iqattgħu l-btajjel tal-Milied b’mod naqra aktar interessanti milli jaħlu l-ħin jilagħbu l-PlayStation, inaqqru l-iSpintzies (il-borża favorita t’Irvin) u jixorbu l-kukudina.

Il-ktieb, ippubblikat minn Merlin Publishers u b’illustrazzjonijiet u qoxra faqa ta’ Lisa Falzon, se jkun għall-bejgħ fil-jiem li ġejjin mill-ħwienet tal-kotba kollha madwar dawn il-gżejjer sbieħ, inkella tistgħu tixtruh billi tibagħtuli email.


Għal aktar tagħrif dwar il-kotba tiegħi żur www.johnabonello.com jew il-paġna tiegħi fuq Facebook.