Irvin Vella jerġa’ jmur SPMC

Dsatax-il xahar wara li żort il-kulleġġ ta’ Sant’Agtha fir-Rabat biex tkellimt fuq Il-Każ Manduca mal-istudenti tal-primarja, erġajt mort, din id-darba biex inkellimhom dwar it-tieni każ tal-Investigatur Virtwali.

20161130_092941

Mort l-Erbgħa 30 ta’ Novembru 2016. Laqgħuni bl-istess entużjażmu tal-ewwel darba. Ma kellix bżonn nintroduċi lill-protagonist tan-novelli tiegħi – kollha kienu jafu bih. Il-ħabib tiegħi, Duncan Caruana, għalliem fl-istess kulleġġ u l-kollegi tiegħu, kienu ħadu ħsieb li lil Irvin Vella jkun jafu kulħadd.

20161130_083715.jpg

Wara introduzzjoni qasira, qrajt silta minn Il-Każ tas-Serqiet Strambi. Imbagħad għidtilhom jistqsu li jridu. U staqsew. Ħafna. Kien hemm uħud li kienu diġá xtraw il-ktieb mill-Festival tal-Ktieb u kien hemm fosthom li qrawh. U għalkemm il-mistoqsijiet ‘tas-soltu’ feġġew (fi xħin tikteb, kemm jieħu żmien ktieb biex jinkiteb u jiġi ppubblikat, min jagħmel il-qoxra), ħafna mill-mistoqsijiet kienu dwar il-kotba li jmiss.

Infatti kellimthom dwar it-tielet każ ta’ Irvin Vella li se jkun ippubblikat fl-2017, u tajthom ħjiel ukoll dwar xiex se jkunu ir-raba’ u l-ħames każijiet.

Ma mdumx ma nerġa’ nżurhom. Fil-bidu tas-sena d-dieħla se nkun qed naħdem ma’ studenti ta’ dan il-kulleġġ fuq proġett ta’ kitba kreattiva bl-għan li jaraw xogħolhom ippubblikat. Naf żgur li se jkun suċċess għax l-enerġija li hemm tbaqbaq f’dak il-post ma tħallilekx dubju.

Advertisements

Il-Milied skont Irvin Vella

It-tieni ktieb fis-sensiela Irvin Vella, Investigatur Virtwali ħiereġ fil-jiem li ġejjin. Il-Każ tas-Serqiet Strambi  jinvolvi għadd ta’ serqiet li jsiru kollha fi żmien il-Milied. B’xi mod jew ieħor, il-Milied jolqot lil kull wieħed mill-karattri tal-istorja, kif wara kollox jolqot lilna: min iħobbu, min jobogħdu, min ifakkru f’ħaġa u min f’oħra.

screen-shot-2016-10-21-at-13-00-53

Għal Irvin pereżempju, il-Milied marbut mal-ħlewwiet tradizzjonali Maltin (u internazzjonali), ibda mill-qagħaq tal-għasel u spiċċa fl-imbuljuta, ix-xarba sħuna bil-qastan u l-kukkudina mqassma fuq iz-zuntier tal-knisja wara l-quddies ta’ nofsillejl. U ovvjament, l-ikla kolossali nhar il-Milied, mill-kċina t’ommu Marthese. Wara kollox, ma tistax tiġi l-ewwel fil-klassifika tal-aktar nies ħoxnin fid-Dinja mingħajr ma tagħmel ftit sforz.

Għal Luca u Laura, l-assistenti (u kuġini) t’Irvin, il-Milied żmien tad-dwejjaq għax ifakkarhom f’missierhom li miet ftit tas-snin qabel. Fil-Milied kien dejjem jieħu żmien off mix-xogħol u jqatta’ kważi xahar sħiħ magħhom. Għalhekk għalihom żmien iebes, u jippreferu jmiddu jdejhom ħalli ħsibijiethom ma jitfgħuhomx f’burdati mdallmin.

Għal Francis Cilia, sid il-Best In Town Confectionery (est. 1987) il-Milied l-aħjar żmien għan-negozju tiegħu u jħobb iżejjen il-vetrina tal-ħanut bl-aħjar mod possibbli. Saħansitra jħalliha mixgħula u bix-shutter imtella sa nofsillejl kuljum fi żmien il-Milied.

Għal Pauline Farrugia, sid ta’ wieħed mill-ħwienet li nsterqu, il-Milied ma jfisser xejn. U lanqas l-Għid jew kwalunkwe festa oħra. Għal Pauline jeżisti biss ix-xogħol. Minn xħin jisbaħ sa xħin jidlam u anki fil-ħolm.

Għall-Ispettur Montebello, it-taħlita tax-xita tqattar, dwal iteptpu u mużika tal-Milied hija xi ħaġa imsaħħra. L-uniku xewqa li għandu hija li dak il-Milied imur iqattgħu mal-mara u mat-tifel, li għadu jemmen li jeżisti Father Christmas. Ooops.

Għal Marissa Abela, waħda mill-aħwa propjetarji ta’ Calleja Bros – il-fabbrika fejn jiżvolġi l-każ,  il-Milied żmien ta’ nostalġija li iżda jnissel paċi interna fiha, u ż-żmien li tisma’ Let it Snow ta’ Dean Martin on repeat, waħda mill-aktar diski għal qalbha.

U għalik, xi jfisser il-Milied?


Il-Każ tas-Serqiet Strambi huwa pubblikazzjoni ta’ Merlin Publishers u se jkun għall-bejgħ fil-jiem li ġejjin madwar Malta u Għawdex. Għal aktar tagħrif dwar il-kotba tiegħi żur www.johnabonello.com jew il-paġna tiegħi fuq Facebook.

Kotba fis-sensiela Irvin Vella, Investigatur Virtwali:
  1. Il-Każ Manduca (2015)
  2. Il-Każ tas-Serqiet Strambi (2016)

Minn villa fir-Rabat għal fabbrika fil-Marsa

Sentejn ilu, Irvin Vella idebbutta fix-xena lokali bl-ewwel każ tiegħu, b’investigazzjoni ta’ dehriet strambi ġewwa villa fir-Rabat. Il-villa nnifisha kważi saret karattru ieħor f’Il-Każ Manduca u lill-qarrejja intrigathom ħafna.

F’dan it-tieni ktieb, il-post fejn isseħħ il-biċċa l-kbira tal-istorja wkoll għandu importanza. Din id-darba mhix villa b’ġonna kbar, b’arkitettura gotika u soqfa impittrin, iżda fabbrika tal-ikel f’xatt il-Marsa. Bini ta’ żmien l-Ingliżi, faċċata tal-power station l-antika, imħażen maqlubin f’fabbrika fejn jiġu manifatturati snacks popolari ħafna. Speċjalment m’Irvin.

img_20161008_145639
It-triq fil-Marsa fejn tiżvolġi l-istorja
Il-fabbrika hija ovvjament fittizja, ħolqien immaġinat, ispirat miż-żmien li qattajt naħdem ġewwa post simili fil-Mosta bejn l-1995 u l-1999. Dak kien l-ewwel impjieg full-time tiegħi, fejn tgħallimt ħafna u fejn l-esperjenzi li ġarrabt kienu pedament tajjeb għax-xogħolijiet li għamilt wara. Il-kumpanija li kont naħdem magħha dak iż-żmien, l-OK Products Ltd, għadha sal-lum tagħmel boroż ta’ snacks, fosthom uħud li ddisinjajt jien stess.

screen-shot-2016-10-08-at-14-37-45
Il-qoxra, xogħol ta’ Lisa Falzon u Pierre Portelli
Għal darb’oħra, l-illustrazzjonijiet huma xogħol Lisa Falzon. Bħalma ġara fl-ewwel ktieb, Lisa rnexxielha tħoss l-vibe tal-post u ħolqot l-illustrazzjoni tal-qoxra madwar dawn l-imħażen. U żiedet il-qanpiena tixgħel mal-faċċata tal-bini, għax wara kollox, is-serqiet strambi seħħew ħamest ijiem qabel il-Milied.

Il-Każ tas-Serqiet Strambi huwa pubblikazzjoni ta’ Merlin Publishers u se jkun għall-bejgħ fil-jiem li ġejjin madwar Malta u Għawdex. U qrib Kemmuna, għax fuq il-vapur t’Għawdex jinbiegħ ukoll.

Għal aktar tagħrif dwar il-kotba tiegħi żur www.johnabonello.com jew il-paġna tiegħi fuq Facebook.

Kotba fis-sensiela Irvin Vella, Investigatur Virtwali:
  1. Il-Każ Manduca (2015)
  2. Il-Każ tas-Serqiet Strambi (2016)

Irvin Vella u l-borża favorita tiegħu

Wara s-suċċess uberenormi ta’ Irvin Vella u l-ewwel avventura tiegħu, wasal iż-żmien għat-tieni każ tal-investigatur virtwali—Il-Każ tas-Serqiet Strambi.

irvin-2-cover-frontIt-tieni storja faqqset b’mod li jekk insejjaħlu sempliċiment interessanti ma nkunx qed niddeskrivih sew sew. Kultant nofs ta’ kelma wkoll tagħtik idea. Kultant jaf tkun storja mhux tas-soltu li tispirak, bħal din li ġejja.

Madwar ħames snin ilu, waqt li qiegħed ix-xogħol naħdem għall-kwiet (għal darba ma kellix headphones u mużika qawwija f’widnejja), nisma’ kollega tiegħi jirrakkonta kif kumpanija lokali tal-isnacks għamlet sejħa biex tiġbor konsenja prodotti wara li barmil tal-plastic waqa’ fil-forn fejn jinħema l-prodott. Dak il-ħin is-subkonxju ġibed dik l-istorja u nebbet l-ewwel żerriegħa ċkejkna li finalment wasslet għat-tieni ktieb fis-sensiela ta’ Irvin Vella.

Il-Każ tas-Serqiet Strambi hija storja ambjentata fi żmien il-Milied, meta fil-gazzetti lokali jiġu rapurtati għadd ta’ serqiet fejn il-Pulizija ma setgħux isibu x’insteraq. Irvin u l-kuġini tiegħu Luca u Laura, mill-ewwel jaraw il-potenzjal ta’ każ ġdid—xejn xejn, huwa mod kif iqattgħu l-btajjel tal-Milied b’mod naqra aktar interessanti milli jaħlu l-ħin jilagħbu l-PlayStation, inaqqru l-iSpintzies (il-borża favorita t’Irvin) u jixorbu l-kukudina.

Il-ktieb, ippubblikat minn Merlin Publishers u b’illustrazzjonijiet u qoxra faqa ta’ Lisa Falzon, se jkun għall-bejgħ fil-jiem li ġejjin mill-ħwienet tal-kotba kollha madwar dawn il-gżejjer sbieħ, inkella tistgħu tixtruh billi tibagħtuli email.


Għal aktar tagħrif dwar il-kotba tiegħi żur www.johnabonello.com jew il-paġna tiegħi fuq Facebook.

7 raġunijiet għaliex għandek tieqaf taqra

Il-qari ħażin ħafna. Ħażin għalik u għal ta’ madwarek. U mhux raġuni waħda hemm, imma minn tal-anqas 113. Hawn se nsemmi biss 7:

  1. Il-qari jagħmlek intelliġenti – Tkun iblah jekk xi darba f’ħajtek għaddielek il-ħsieb li ssir taf ftit aktar milli diġà taf. Immaġina kemm in-nies ta’ madwarek jibdew jarawk interessanti, u joqogħdu jiffittawk u jkunu jridu jsiru jafuk aktar mill-qrib. Tal-biża’.
  2. Il-qari jaljenak mill-ġrajjiet kurrenti – Mhux ċajta, tintilef fi ktieb u taħrablek l-aħbar li l-Ingilterra vvutaw biex joħorġu mill-Unjoni Ewropea, jew li Cristiano Ronaldo ma jiħux gost meta jeħdulu ritratti waqt li jkun il-baħar. Traġedja.
  3. Waqt li qed taqra, qed titlef iċ-ċans li taqbad il-pokemon li jmiss. Kemm qbadt int?
  4. Tista’ tieħu riħ f’għajnejk – Int u taqra l-uniċi muskoli li tuża huma għajnejk. Jekk jgħaddi biżżejjed ħin, dawn jiġu jaħarqu u ovvjament tista’ tieħu riħ. Qrajtha xi mkien din, mhux ċert fejn.
  5. Tista’ titkeċċa mix-xogħol – Ħafna jafu li min jaqra jispiċċa jintilef fil-ktieb li jkun qed jaqra u jinsa d-dinja u kulm’hemm fiha. Naturalment, dan ifisser li qarrej se jasal tard ix-xogħol. U tagħmilha darba, imbagħad tnejn, imbagħad tlieta … fl-aħħar il-famuża ġarra se tixpakka.
  6. B’tal-linja jaqbillek. Bil-qari le – Issib ħafna li jintefgħu jaqrawlek f’tal-linja. Imbagħad, mitlufin fil-ktieb, ma jindunawx li waslu u jispiċċaw post ieħor. U għidli int, kif se tmur id-dar issa?
  7. Ċerti kotba jibdluk fi kriminal – Minn fejn ħsibtu li jġibu l-ideat il-ħallelin u l-qattiela jekk mhux mill-kotba? Dawn it-thrillers u l-polizjeski kollha jduru mas-saqajn u mal-ixkafef tal-kotba ħsara biss qed jagħmlu. Għalik qed ngħid, awtur irresponsabbli.

Jekk wara li qrajt dawn it-twissijiet kollha, ġejt ala biebek u xorta trid tibqa’ tagħmel ta’ rasek u tibqa’ taqra, għax ma tippruvax wieħed minn dawn:

U int, taf xi raġuni oħra għalfejn jaqbillek tieqaf taqra?

Vella, Irvin Vella . . .

. . . minn Ħ’Attard. Imwieled Mattheus Vella, iben Anthony a.k.a. Twanny u Marthese Vella. Bidel ismu għal Irvin b’rikors il-Qorti fl-età ta’ 18-il sena, fl-istess żmien li għażel li jibda jistudja biex isir Investigatur Privat. ‘Il quddiem beħsiebu jibdel anki kunjomu.

Beda jsejjaħ lilu nnifsu L-Investigatur Virtwali (la liċenzja t’Investigatur Privat għad m’għandux).

Fetaħ uffiċċju Ħ’Attard stess, wara li kkapparra l-garaxx tad-dar t’ommu u ta’ missieru (hekk jew b’hekk il-ġenituri tiegħu ma jsuqux u qatt ma kellhom karozza). Minn dan l-uffiċċju beda jitħarreġ f’investigazzjonijiet ċkejknin, għax jemmen li l-prattika tagħmlu nies.

Wieħed mill-ewwel każijiet li solva kien dwar serq ta’ qattus ta’ mara xwejħa jisimha Eleonora Psaila. Dak il-qattus, li kien jismu Gusto, kellu jġib risq kbir lil Irvin Vella, L-Investigatur Virtwali. L-istess Eleonora, xhur wara, marret mill-ġdid għandu, din id-darba sabiex jgħin lil żewġt iħbieb tagħha. Dan il-każ kien dokumentat fl-ewwel ktieb mis-sensiela Irvin Vella: Investigatur Virtwali u jġib l-isem ta’ Il-Każ Manduca.

L-akbar ħbieb ta’ Irvin Vella huma l-kuġini tewmin tiegħu Luca u Laura, li ġew lura Malta wara l-mewt ħabta u sabta ta’ missierhom. Għalkemm għad għandhom 11-il sena, għandhom ħiliet investigattivi li jħaddmu biex jagħtu daqqa t’id lil kuġinuhom fil-każijiet li jkollu.

Bħalma se jagħmlu fil-każ il-ġdid, dak dwar għadd ta’ serqiet strambi fi żmien il-festi tal-Milied . . .

Tkixxef naqra oħra dwar l-ewwel każ t’Irvin Vella hawnhekk.

Mill-forn fejn kien qed jinħema . . .

Ġimgħa qabel il-Festival Nazzjonali tal-Ktieb 2015, żort l-istamperija Gutenberg waqt il-proċess ta’ stampar tal-ktieb il-ġdid tiegħi Jien, Wieħed Minnhom li se jkun għal bejgħ waqt il-festival minn fuq l-istand ta’ Merlin Publishers.

IMG_20151028_120956F’żewġ ħinijiet paralleli, il-qoxra kienet qed tiġi stampata fuq magna u l-kontenut tal-ktieb fuq magna oħra. Il-proċess sħiħ jieħu sagħtejn u nofs, bil-magni jipproċessaw aktar minn 10,000 karta fis-siegħa.

IMG_20151028_122011Wara li jitlesta l-istampar, il-karti u l-qxur jgħaddu fuq magna oħra li tifforma l-ktieb u tinkolla l-qoxra f’postha.

IMG_20151028_123652Deherli li lmaħt lil Steve Ebejer, is-Serafin, jistaħba wara waħda minn dawn il-magni. Iżda sakemm mort nittawwal laħaq żgiċċali . . .